Lokali

Imwaħħal fit-traffiku? Possibilita’ li tibda tħallas

Hemm possibilita’ li f’pajjiżna tiddaħħal taxxa minħabba l-konġestjoni tat-traffiku. Din it-taxxa tista’ tiddaħħal fl-aktar żoni li jesperjenzaw konġestjonijiet tat-traffiku. Din il-possibilita’ hi inkluża f’master plan li sar lil Transport Malta mill-konsorzju Spanjol Ineco- Systematic.

Il-master plan jirrakkomanda €336 miljun f’investiment fl-infrastruttura ta’ pajjiżna fosthom biex jitranġaw it-toroq, jitjieb is-servizz tat-trasport bil-baħar u jiżdiedu l-bus lanes fost miżuri oħra. Pjan li jkun mifrux fuq perjodu ta’ 10 snin.

Il-masterplan jikkonkludi x’inhuma l-mezzi ta’ kif l-aħjar li jonqos l-użu ta’ karozzi privati fosthom li jkunu ntrodotti żoni li fihom ikun hemm limitu ta’ emmissjonijiet f’żoni fejn l-aktar jgħixu nies u fejn hemm livell ta’ konġestjonijiet kbar tat-traffiku u dan billi titħallas miżata. Il-pjan jispjega li dawn iż-żoni jaħdmu billii jew jipprojbixxu li vetturi li l-aktar iħamġu f’emmissjonijiet ma jidħlux fiż-żoni jew li jħallsu miżata biex jidħlu f’ċertu żoni.

Dan il-master plan ġie ppublikat għall-konsultazzjoni pubblika u jispjega kif x’inhuma l-possibiltajiet li għandu quddiemu l-gvern biex itaffi l-konġestjonijiet tat-traffiku sa l-2025.