Il-Mitħna Ta’ Kola fix-Xagħra Għawdex reġgħet fetħet il-bibien tagħha għall-pubbliku wara li ngħatat il-‘ħajja’ u l-glorja tal-passat. Dan wara li Heritage Malta wettqet xogħol estensiv ta’ restawr fuq il-makkinarju li kien jintuża għat-tħin kif ukoll fuq is-saqaf tagħha. L-inawgurazzjoni tax-xogħol ta’ restawr saret illum mill-Ministru tal-Ġustizzja, Kultura u Gvern Lokali, Dr Owen Bonnici, u mill-Ministru għal Għawdex, is-Sur Anton Refalo.
Il-Mitħna Ta’ Kola l-unika li tiffunzjona mill-perjodu tal-Kavallieri
Il-Mitħna Ta’ Kola hija waħda mill-ftit imtieħen fil-gżejjer Maltin li jafu l-oriġini tagħhom fil-perjodu tal-Kavallieri. Mit-tnax-il mitħna mibnija mill-Kavallieri, il-Mitħna Ta’ Kola hija l-unika waħda li għadha tiffunzjona.
Din il-mitħna nbniet fl-1725 taħt it-tmexxija tal-Granmastru Manoel de Vilhena iżda minħabba xi difetti strutturali, reġgħet inbniet matul l-1780. Din il-mitħna ħadet isem Ġużeppi Grech, magħruf bħala Ta’ Kola, li għex u ħadem fiha sa mewtu. Huwa kien għażeb u wara mewtu, fl-1986, il-mitħna għaddiet għand l-istat u ħames snin wara infetħet bħala mużew.
Minbarra li xogħlu kien li jopera din il-mitħna, Grech jidher li kellu xogħlijiet sekondarji biex ipatti għal meta t-temp ma kienx ikun favorevoli biex tiffunzjona l-mitħna. U meta r-riħ kien jippermetti għat-tħaddim tal-mitħna, Grech kien igħarraf lir-residenti biex jieħdu ċ-ċereali tagħhom għat-tħin billi jonfoħ fi bronja.
Din il-mitħna kienet ukoll id-dar ta’ Ġużeppi. Minbarra l-mekkaniżmu għat-tħin, il-mitħna tinkludi numru ta’ kmamar mifruxa fuq żewġ sulari li kienu jintużaw għat-tħejjija tat-tħin kif ukoll ta’ abitazzjoni għal Ġużeppi.
Fis-sular t’isfel il-viżitatur jista’ jesplora wkoll numru ta’ għodod oriġinali, b’uħud minnhom saħansitra magħmula minn sid il-mitħna stess hekk kif il-kmamar f’dan is-sular kienu jintużaw għax-xogħol u mħażen għall-prodotti wżati f’din il-mitħna.
Fl-ewwel sular kien igħix it-taħħan bil-kmamar jinkludu l-kċina, il-kamra tal-ikel u kmamar tas-sodda. Fil-kċina l-viżitatur jista’ jinnota affarijiet tradizzjonali li jintużaw fil-kċina u għat-tisjir li ftit li xejn għadek tara llum. Garigor iwassal għas-sular ta’ fuq fejn hemm il-mekkaniżmu għat-tħin li kien isir bejn żewġ ġebliet kbar tondi. Meta kien isir ti-tħin il-paletti riedu jkunu jħarsu lejn id-direzzjoni minn fejn ġej ir-riħ biex b’hekk jibdew iduru l-ingranaġġi u jibda jaħdem ukoll il-mekkaniżmu.
Il-Mitħna Ta’ Kola, li tinsab ftit passi ‘l bogħod mit-Tempji tal-Ġgantija, tiftaħ kuljum bejn id-9.00am u l-5.00pm, bl-aħħar dħul isir fl-4.30pm.
//= $special ?>