Il-Kummissarju tal-Protezzjoni tad-Data jikkonferma li qed jinvestiga
Il-Kummissarju tal-Protezzjoni tad-Data qed jinvestiga potenzjal ksur ta’ protezzjoni ta’ data mill-Kunsillier Laburista tal-Belt Valletta Ray Azzopardi, wara li ntalab biex jagħmel dan mis-Sindku tal-Belt Alexei Dingli.
Fuq Facebook, Ray Azzopardi ppubblika informazzjoni u dettaji dwar vettura li allegatament inħarġilha permess b’mod irregolari biex tkun eżentata mis-sistema tas-CVA.
Iżda fuq Facebook, il-Kunsill Laburista mhux biss ippubblika ritratt tal-karozza bin-numru tal-pjanċa jidher, iżda saħansitra ppubblika informazzjoni li suppost ma kellux aċċess għaliha. Fost din l-informazzjoni hemm dettalji dwar il-karta tal-identità ta’ sid il-vettura u dettalji tal-logbook tal-karozza.
Dwar il-mod kif il-Kunsillier Laburista ppubblika din l-informazzjoni privata ta’ individwu, sar rapport lill-Kummissarju tal-Protezzjoni tad-Data mis-Sindku tal-Belt Valletta Alexei Dingli. L-Uffiċju tal-Kummissarju, min-naħa tiegħu, ikkonferma ma’ NETnews li l-każ qed jiġi investigat “kif inhu xieraq”.
Alexei Dingli talab li ssir investigazzjoni mhux biss minħabba l-fatt li l-Kunsillier Laburista kiseb informazzjoni privata li mhux suppost kellu aċċess għaliha, iżda wkoll peress li mhux magħruf jekk l-istess Kunsillier għandux aktar informazzjoni privata tal-persuna involuta.
Ritratt: Dak li ppubblika Ray Azzopardi; in-numru tal-pjanċa neħħejnieh aħna
//= $special ?>