Lokali

Konrad Mizzi ffirma l-kuntratti tal-isptarijiet jumejn qabel bdew jinfetħu l-kontijiet fil-Panama

Il-kuntratti tal-privatizzazzjoni tal-Isptar San Luqa, l-Isptar Karen Grech u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex ġew iffirmati fit-30 ta’ Novembru 2015 – L-email lil Mossack Fonseca ‘Go ahead to start the opening of the accounts for those 2 Panama companies” intbagħtet fit-2 ta’ Diċembru 2015

Il-kuntratti tal-privatizzazzjoni tal-Isptar San Luqa, l-Isptar Karen Grech u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex ġew iffirmati jumejn qabel il-kumpanija Nexia BT, f’isem il-Ministru Konrad Mizzi u ċ-Chief of Staff, bagħtet email lil Mossack Fonseca u tat l-istruzzjonijiet biex jinfetħu l-kontijiet assoċjati mal-kumpaniji sigrieti fil-Panama.

Dan ġie żvelat minn Norman Vella lbieraħ filgħaxija waqt il-programm Xarabank, waqt dibattitu mal-kandidat tal-Partit Laburista u uffiċjal f’Kastilja Glenn Bedingfield. Norman Vella tkellem dwar dan meta kien qed jitkellem dwar il-korruzzjoni li fniet il-Gvern ta’ Joseph Muscat.

Il-Ministru Chris Fearne ppubblika dawn il-kuntratti nhar l-Erbgħa li għadda, iżda minkejja li ppubblikahom, dawn l-istess kuntratti fihom bosta paġni u dettalji nieqsa, tant li ma jistgħux jiġu analizzati fl-intier tagħhom. Madanakollu, punt importanti li joħroġ minn dawn il-kuntratti huwa d-data tal-iffirmar ta’ dawn it-tliet kuntratti – jumejn biss qabel ingħatat l-ordni biex jinfetħu l-kontijiet sigrieti fil-Panama ta’ Keith Schembri u Konrad Mizzi. Il-kuntratti ma’ Vitals Global Healthcare ġew iffirmati mill-istess Konrad Mizzi.

Dawn il-kuntratti jinsabu f’nofs kontroversja hekk kif ir-rappreżentanti tal-ħaddiema – l-Assoċjazzjoni Medika Maltija u l-UHM-Voice of the Workers – talbu lill-Awditur Ġenerali biex jinvestigahom.

Il-Prim Ministru Joseph Muscat dejjem iddefenda lil Keith Schembri u lil Konrad Mizzi minkejja li nqabdu li fetħu kumpaniji sigrieti fil-Panama, tant li minkejja li qal li se jieħu deċiżjoni dwarhom, l-unika deċiżjoni li ħa dwar Konrad Mizzi kienet li minn Ministru tal-Enerġija jsir Ministru fl-Uffiċċju tal-Prim Ministru responsabbli mill-proġetti tal-enerġija.

B’kollox, mill-kuntratti hemm aktar minn 60 paġna li ġew iċċensurati, fosthom 43 paġna mill-kuntratt dwar il-konċessjonijiet ta’ servizzi u 23 paġna mill-ftehim li jitkellem dwar il-mod kif jinghata s-servizz tas-saħħa.

Barra minhekk, fil-paġni li tħallew fid-dokument hemm ammont kbir ta’ spazju vojt, li wkoll jidhru li ġew iċċensurati, fosthom numru ta’ dati li ġew mgħottija. Nieqsa wkoll mill-kuntratt, għax ġiet iċċensurata wkoll, hemm is-somma miftehma għall-privatizazzjoni tal-isptarijiet.

Min-naħa l-oħra, mill-kuntratt joħroġ ċar li l-ħaddiema f’dawn l-isptarijiet se jkunu qed jinkrew lill-Vitals Global Health Care għal minimu ta’ 30 sena. Dan ifisser li l-ħaddiema se jibqgħu tal-Istat, iżda se tkun qed tagħmel użu minnhom din il-kumpanija privata.

Il-fatti ġraw kif ġej:

26 ta’ Novembru 2015
Karl Cini f’isem Nexia BT bagħat email lil Mossack Fonseca: “Kellimt lill-klijenti. Iridu jiċċekjaw dwar BSI fil-Panama. Qed jistaqsu dwar id-depożitu ta’ $1 miljun. Dan huwa depożitu biss? X’inhu l-minimu li għandhom iżommu bħala bilanċ?”

27 ta’ Novembru 2015
Email interna ta’ Mossack Fonseca, miktuba minn Daniel Leon: “Ċempilt BSI Panama u d-depożitu inizjali hu ta’ $100,000. Il-klijenti jridu jpoġġu €1 miljun fil-kont matul is-sena, jew anke $800,000. Imma jekk is-somma tkun ħafna anqas, il-bank jagħlaq il-kont.”

2 ta’ Diċembru 2015
Karl Cini f’isem Nexia BT bagħat email oħra lil Mossack Fonseca: “Mexxi biex tiftaħ il-kontijiet għaż-żewġ kumpaniji tal-Panama.”

3 ta’ Diċembru 2015
Email interna ta’ Mossack Fonseca turi li l-kumpanija bdiet il-passi biex tiftaħ dawn il-kontijiet.