Unjoni Ewropea

L-MEP’s Maltin għandhom jisfruttaw l-opportunitajiet kollha tal-UE

Hu dmir tal-Membri Parlamentari Ewropew Maltin kollha li jaħdmu biex jisfruttaw l-opportunitajiet kollha tal-UE favur pajjiżna u fl-istess ħin jaraw il-vantaġġi kollha li hemm fl-UE biex iġibuhom lejn pajjiżna.

Il-Membru Parlamentari Ewropew u Shadow Minister tal-Affarijiet Barranin u Ewropej Roberta Metsola qalet dan waqt diskussjoni pubblika bit-tema, Stati Żgħar fl-UE: il-perspettiva ekoniomika u politika li saret f’Dar l-Ewropa fil-Belt nhar il-Ġimgha filgħaxija.

Is-seminar kien organizzat mill-Kumitat ta’ Azzjoni bejn Malta u l-Unjoni Ewropea, l-MEUSAC, l-Universita’ ta’ Malta u l-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f’Malta.

Fost il-kelliema kien hemm ukoll id-Deputat Parlamentari Ewropew Alfred Sant, Mark Harwood, Direttur tal-Istitut tal-Istudji Ewropej fl-Universita’ ta’ Malta; Peter Agius, il-Kap tal-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f’Malta; Vanni Xuereb, il-Kap tal-MEUSAC; il-Professur Lino Briguglio, id-Direttur tal-Istitut tal-Gżejjer u Stati Żgħar fl-Universita u Philip von Brockdorff, il-Kap tad-Dipartiment tal-Economics fl-Universitá.

Roberta Metsola qalet li xi drabi l-UE tkun ikkritikata li hi l-bogħod miċ-ċittadini u hi responsabbiltà tagħha u tal-MEP’s l-oħra bħala ambaxxaturi tal-UE li jieħdu kull deċiżjoni bl-aspetattiva ta’ xi jridu il-Maltin u l-Għawdxin mingħandhom. B’hekk il-poplu Malti jkun jista’ jara l-impatt ekonomiku u soċjali ta’ pajjiż żgħir li jista’ jinfluwenza aktar mid-daqs tiegħu.

Roberta Metsola qalet li d-deċizjoni tal-poplu Brittaniku li fir-referendum Brexit ivvota biex ir-Renju Unit joħroġ mill-UE għandha tkun okkażjoni biex naraw li l-proġett Ewropew ikompli jissaħħaħ u mhux wieħed jaqa’ fit-tentattiv li jgħid li fl-UE kollox hu ħażin.

Hi spjegat li l-Partit Nazzjonalista dejjem emmen fl-UE u hu dmir ta’ kulħadd li jkompli jaħdem biex jilqa’ l-isfidi li għandha quddiemha l-UE għax il-vantaġġi tal-UE huma ħafna kabr mill-iżvantaġġi.
Sadattant Mark Harwood qal li l-pajjiżi żgħar tal-UE għandhom tendenza li jiddependu wisq fuq il-Kummissjoni Ewropea biex jiddefendu l-interessi tagħhom u anke jużaw stati akbar għal dak il-għan.
Dwar il-Presidenza ta’ Malta tal-Kummissjoni Ewropea, Harwood qal Malta għandha tendenza li qed tħares lejn il-Presidenza mill-aspett ta’ prestiġju, imma hu kruċjali kif Malta tuża l-Presidenza biex tikkopera mal-pajjiżi membri.

Hu spjega li r-Renju Unit kien jibbilanċja l-influwenza ta’ Franza u tal-Ġermanja fl-UE imma bi Brexit dan il-bilanċ se jintilef. Għalhekk tajjeb li l-Olanda tkabbar l-influwenza tagħha u Malta żżid il-koperazzjoni tagħha ma dak il-pajjiż.