L-MEP Therese Comodini Cachia b’ħidma bħala ‘rapporteur’ fil-Parlament Ewropew
Hekk l-Unjoni Ewropea tinsab pass eqreb biex timmodernizza r-regoli tagħha dwar il-copyright, hu mistenni li t-tibdil itejjeb l-aċċess tal-konsumaturi għall-kontenut, filwaqt li l-awturi tal-istess kontenut jibqgħu jiġu protetti u rikonoxxuti.
Waqt press briefing, l-MEP Therese Comodini Cachia spjegat x’qed jiġi diskuss bħalissa fuq livell Ewropew dwar ir-riforma tal-copyright filwaqt li stiednet lill-pubbliku biex jagħti l-fehmiet tiegħu. Dan wara li Comodini Cachia nħatret ‘rapporteur’ ta’ Kumitat tal-Parlament Ewropew li qed jiddiskuti din ir-riforma.
Fir-riforma, l-Unjoni Ewropea mistennija tassigura li l-konsumaturi jkollhom aktar għażla tal-kontenut – jiġifieri aċċess akbar għall-films, diski, kotba u stazzjonijiet televiżi fost oħrajn.
Waqt il-press briefing, Therese Comodini Cachia spjegat li l-Parlament Ewropew għandu jivvota dwar direttiva tal-Kummissjoni Ewropea dwar din ir-riforma tal-copyright. Iżda dan isir wara li r-rapport li imħejji mill-MEP Comodini Cachia jkun diskuss fuq livell ta’ Parlament Ewropew.
Comodini Cachia qalet li din ir-riforma mhux biss se tkabbar l-aċċess għall-kontenut lill-konsumaturi iżda se tiffaċilita wkoll l-aċċess għall-materjal diġitali lill-istudenti, l-għalliema u l-iskejjel. Se tgħin ukoll lir-riċerkaturi f’xogħolhom u ssaħħaħ il-ħarsien tal-wirt kulturali.
Iżda l-aċċess akbar għall-kontenut m’għandux ifisser li l-awturi ma jingħatawx rikonoxximent. Filfatt, ir-riforma għandha tassigura li l-awturi tal-kontenut jibqgħu jingħataw rikonoxximent jew kumpens għal xogħlhom.
Ir-riforma tal-copyright hija biss parti minn ħidma biex jikber is-suq komuni diġitali fl-Unjoni Ewropea. “Il-libertà tal-moviment fl-Unjoni Ewropea għandu jkun rifless ukoll fuq l-internet”, spjegat l-MEP Comodini Cachia ma’ dan il-ġurnal.
Inizjattiva oħra bis-sehem ta’ l-MEP Therese Comodini Cachia hija t-tneħħija tal-barrieri imposti mill-‘geo-blocking’ – jiġifieri sitwazzjonijiet fejn persuna ma tkunx tista’ tuża websits jew tixtri online sempliċiment minħabba l-pajjiż li tkun fih.
//= $special ?>