Internazzjonali

Liġi fil-Honduras biex il-flus mid-droga ma jinfiltrawx kampanji politiċi

Il-Kungress tal-Honduras approva liġi biex il-flus mit-traffikar tad-droga ma jiffinanzjawx kampanji politiċi f’dan il-pajjiż mifni bi vjolenza bejn il-gangs kriminali.
Il-liġi, approvata minn żewġ-terzi tad-deputati parlamentari ta’ Honduras, tistabbilixxi limiti għall-infiq fuq il-kampanji u ceiling għall-ammonti ta’ flus li jistgħu jingħataw lill-partiti politiċi bħala donazzjoni privata. Il-liġi ġdida, li anki toħloq mekkaniżmu tat-trasparenza u pieni (li jvarjaw mill-multi burokratiċi sa deċiżjonijiet biex titħassar elezzjoni f’każi ta’ finanzjament illegali) mistennija tidħol fis-seħħ fi ftit jiem.
Il-pjaga tal-finanzjament ta’ partiti politiċi (fil-Honduras) mill-cartels tad-droga ilha titfa’ dell fuq il-politika lokali. Dan meta l-Honduras għandu wieħed mill-akbar rati ta’ omiċidji fid-dinja li hi dovuta għal mewġa ta’ vjolenza bejn il-gruppi rivali kriminali.
Wara li kien iffaċċja protesti kontra l-korruzzjoni, il-President tal-Honduras, Juan Hernandez, żvela, is-sena l-oħra, li l-kampanja Presidenzjali tiegħu tal-2013 aċċettat il-flus mingħand kumpanniji assoċjati ma’ wieħed mill-akbar skandli dwar il-korruzzjoni fl-istorja tal-pajjiż Latin Amerikan. Madankollu, Hernandez qal li hu u l-Partit Nazzjonali tiegħu ma kienux konxji minfejn ġew il-flus, ekwivalenti għal $132,743.