Ambjent

Ma jinbidel xejn…ħlief li jinfetaħ l-istaġun tal-insib – Birdlife

Aktar każi ta’ kaċċa illegali bit-total ta’ għasafar protetti maqtula jiżdied għal 48 hekk kif l-istaġun tal-insib għal din is-sena jerġa’ jiftaħ minkejja l-azzjoni legali mill-UE

Illum beda l-istaġun tal-insib għall-2016, hekk kif il-Gvern reġa’ fetaħ dan l-istaġun minkejja li l-Kummissjoni Ewropea ħadet lil Malta quddiem il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja dwar l-insib.

Fl-istess ħin l-istaġun tal-kaċċa fil-ħarifa qed ikompli jħalli l-marka tiegħu fuq l-għasafar li jpassu minn fuq Malta b’aktar każi ta’ kaċċa illegali qed jiġu rrappurtati. Mill-konferenza tal-aħbarijiet tat-13 t’Ottubru – li matulha BirdLife Malta tat rendikont tal-illegalitajiet osservati mill-bidu tal-istaġun – sal-lum, daħlu rapporti ta’ mill-inqas 14-il tajra protetta oħra li sfaw fil-mira tal-kaċċa illegali, li erbgħa minnhom kellhom jitraqqdu minħabba l-ġrieħi serji li ġarrbu. Il-kumplament, ħlief għal għasfur wieħed li b’xorti tajba kien salvat, inqatlu fil-kampanja. Din hija l-lista tal-aħħar ġimgħa:

 Spanjulett f’Ħaż-Żebbuġ (16 ta’ Ottubru) li kellu jitraqqad mill-veterinarju

 Spanjulett li nġabar mill-Għassa tal-Pulizija tar-Rabat Għawdex (16 ta’ Ottubru) li wkoll kellu jitraqqad mill-veterinarju

 Gawwija Prima fil-Mellieħa (16 ta’ Ottubru) li wkoll kellha titraqqad minħabba l-ġrieħi kaġun tat-tiri li qalgħet

 Sa disa’ Ħuttaf (17 ta’ Ottubru) li sparaw fuqhom f’għalqa u li baqgħu ma nġabrux fil-Wied ta’ Santa Katarina, limiti tar-Rabat

 Ċiefa li possibbilment sparaw fuqha mill-baħar u li nġabret minn Baħar iċ-Ċagħaq (18 ta’ Ottubru) u li wkoll kellha titraqqad

 Seqer tal-Ħannieqa li wkoll spiċċa fil-mira tal-kaċċaturi imma b’xorti tajba ma nqatilx (19 ta’ Ottubru) fl-inħawi tal-Wied ta’ Santa Katarina, fil-limiti tar-Rabat. Flimkien ma’ dawn, kien hemm tliet għasfar oħra li nqatlu mill-aħħar ta’ Settembru ’l hawn u li nġabru mill-awtoritajiet:

 Spanjulett li nstab ferut f’Bengħajsa, fil-limiti ta’ Birżebbuġa (30 ta’ Settembru) li kien irkuprat minn uffiċjali tad-WBRU u kellu jitraqqad

 Kuċċarda li nġabret mill-ALE mingħand l-Animal Welfare (1 ta’ Ottubru) li wkoll kellha titraqqad

 Ferħ ta’ Kwakka li kien irkuprat mill-ALE (12 ta’ Ottubru) u li wkoll kellu jitraqqad.

Minbarra f’dawn, tul l-istess perjodu waqt ir-rondi ta’ sorveljanza li tagħmel ta’ kuljum BirdLife Malta għall-illegalitajiet, kien osservat ukoll għadd kbir ta’ apparat ta’ għajjat elettroniku u artifiċjali li jintuża biex jattira diversi speċi ta’ għasafar għall-kaċċa fl-inħawi tal-Imtaħleb u Santa Katarina.

Dawn l-aħħar każi ta’ kaċċa illegali jtellgħu t-total ta’ tajr protett maqtul li nafu bih s’issa dan l-istaġun għal 48 – verament bidu ta’ stmerrija għall-istaġun tal-kaċċa ta’ din is-sena.

Hu aktar ta’ stmerrija li l-Gvern jidher li qisu ma jridx jagħti kas jew ma tinteressahx din is-sitwazzjoni. Dan fid-dawl tal-aħħar dikjarazzjoni li kienet rappurtata fil-midja din il-ġimgħa minn kelliem għas-Segretarju Parlamentari tal-Agrikoltura, is-Sajd u d-Drittijiet tal-Annimali li qal li m’hemm l-ebda ġustifikazzjoni biex jingħalaq l-istaġun (ikklikkja fuq il-ħolqa ta’ hawn taħt).

Fir-rigward tal-insib li hu projbit mid-Direttiva Ewropea tal-Għasafar, BirdLife Malta tibqa’preokkupata dwar il-validità taż-żewġ derogi li qed jiġu applikati biex infetaħ l-istaġun. L-istaġun tal-insib, li jibqa’ miftuħ sal-31 ta’ Diċembru, infetaħ bis-saħħa ta’ żewġ derogi – waħda għall-insib ta’ seba’ speċi ta’ għasafar tal-għana (Ġojjin, Gardell, Verdun, Taż-Żebbuġ, Apparell, Sponsun u Ekru) u l-oħra għall-insib tal-Pluviera u l-Malvizz.

Il-Gvern Malti ddeċieda li jiftaħ l-istaġun minkejja li Malta qed tiffaċċja azzjoni legali mill-Kummissjoni Ewropea dwar waħda minn dawn iż-żewġ derogi, dik għall-insib ta’ seba’ speċi ta’ għasafar tal-għana.

Meta Malta saret membru tal-UE fl-2004, waħda mill-kundizzjonijiet tat-trattat tas-sħubija kienet li jitwaqqaf l-insib għall-għasafar tal-għana. Il-Gvern kien qabel li gradwalment jelimina l-insib għal dawn l-għasafar fuq perjodu ta’ ħames snin. Imma fl-2014 din il-prattika reġgħet bdiet tiġi permessa bil-Gvern imur lura minn kelmtu. Minkejja sensiela ta’ twissijiet il-Gvern reġa’ fetaħ l-istaġun fl-2015 u dan wassal biex f’Settembru tas-sena l-oħra l-Kummissjoni Ewropea ħabbret li se tieħu lil Malta quddiem il-Qorti Ewropea tal-Ġustizzja minħabba ksur tal-liġi Ewropea. Il-kawża quddiem il-Qorti għadha għaddejja imma issa li l-Gvern Malti reġa’ ddeċieda li anke din is-sena jinjora din l-isfida legali billi jerġa’ jiftaħ l-istaġun, hu mistenni li l-verdett tal-Qorti Ewropea ma jdumx ma joħroġ.

S’issa, tul l-istaġun kull nassab jista’ jaqbad sa 10 għasafar tal-għana u sa massimu ta’ 6 għasafar bejn Pluvieri u/jew Imlievez. Kull għasfur li jinqabad irid jitwaħħallu ċurkett tal-plastik apposta (maħruġ mill-Wild Birds Regulation Unit, WBRU) u kull mansab irid ikun reġistrat mal-istess WBRU u ma jistax ikun f’postijiet jew ħabitats li huma protetti. Hemm kwota għal kull speċi li meta tintlaħaq fuq livell nazzjonali l-istaġun tal-insib għal dik l-ispeċi partikolari jingħalaq. L-insib hu permess kuljum minn sagħtejn qabel tlugħ ix-xemx sa sagħtejn wara nżulha (ma jistax isir insib billejl).

Hu illegali li jsir insib għal kull għasfur ieħor minbarra f’dawn tul l-istaġun, u hu illegali wkoll li wieħed juża apparat tal-għajjat artifiċjali, li wieħed ikollu aktar minn 10 għasafar biex jintużaw biex jattiraw għasafar oħra f’mansab wieħed, li xbieki jitħaddmu b’mod awtomatiku (kull xibka tista’ titħaddem biss manwalment min-nassab) u hu illegali wkoll li jintużaw aktar minn żewġt ixbieki f’ħin wieħed.

Is-siti kollha tal-insib f’Malta reġistrati skont il-liġi huma awtorizzati mid-WBRU u BirdLife Malta ilha s-snin titlob li jkollha lista ta’ dawn is-siti imma din l-informazzjoni ma ngħatatx lilna bl-iskuża tal-protezzjoni tad-dejta u l-privatezza. Dan wassal biex BirdLife Malta tressaq ilment quddiem il-Kummissarju għall-Protezzjoni tad-Dejta biex dan jintervjeni u jinvestiga l-każ. Dan ikkonkluda li BirdLife Malta għandha kull dritt li titlob din l-informazzjoni imma biex tinġabar, din tkun biċċa xogħol kbira wisq għad-WBRU. Il-ġimgħa li għaddiet BirdLife Malta appellat minn din id-deċiżjoni għax temmen li irrispettivament minn kemm hi biċċa xogħol kbira biex din l-informazzjoni tinġabar, din l-istess informazzjoni għandha tkun pubblika. Dan għaliex hu fl-interess tal-pubbliku li jkun jaf liema nħawi qed jintużaw għall-insib biex jgħin fil-ġlieda kontra l-abbuż.

Bħalma għamlet meta fetaħ l-istaġun tal-kaċċa fil-bidu ta’ Settembru, BirdLife Malta ttenni s-sejħa lill-awtoritajiet, b’mod partikolari lill-Korp tal-Pulizija u lit-taqsima tal-Administrative Law Enforcement (ALE) fi ħdanu biex jiżguraw li l-infurzar tal-liġijiet ambjentali jingħata prijorità u biex jieħdu kull azzjoni li tkun meħtieġa kontra dawk li jinqabdu jiksru l-liġi.

BirdLife Malta tfakkar ukoll lill-Gvern li d-deroga tobbligah jiżgura infurzar bis-serjetà fil-kampanja permezz ta’ 7 pulizija għal kull 1,000 liċenzja.