Sirens ħabbru li l-ekskowċ ta’ Sliema Dejan Milakovic inħatar bħala l-Head Coach tan-Nursery tal-Waterpolo tal-klabb. Milakovic se jkun responsabbli mit-timijiet taż-żgħar ta’ Sirens, b’għan li jkun hemm pjan strateġiku li mistenni jassigura bażi solida għall-klabb.
Il-kowċ Serb se jieħu ħsieb il-programm tat-taħriġ wara li jitkellem ukoll mal-kowċ tat-tim tal-kbar Sergio Afric, li wara li ntemm il-kampjonat tas-Sajf nħatar bħala l-kowċ il-ġdid tal-klabb. Din il-ħatra ta’ kowċ ta’ livell għoli, il-klabb qed ikompli jimmira li jkollu settur taż-żgħażagħ b’saħħtu li jwassal biex it-tim ta’ Sirens ikun mibni fuq dawn il-plejers.
Milakovic m’għandu bżonn ebda introduzzjoni fix-xena tal-isport għaliex ilu nvolut ħafna fil-waterpolo. Matul il-karriera tiegħu, hu lagħab għal VK Partizan, VK Beograd, u VK Red Star Belgrade flimkien ma’ karriera fit-tim nazzjonali tal-Jugoslavja.
Minbarra esperjenzi fis-Serbja fis-settur taż-żgħażagħ, Milakovic kellu esperjenza ma’ Pro Recco fejn bħala assistent kowċ fl-2015 rebaħ it-Tazza Taljana, il-Kampjonat u ċ-Champions League. Hu kien ukoll assistent kowċ tat-timijiet nazzjonali ta’ taħt il-15 u s-17-il sena tas-Serbja.
Wara dan is-suċċess, Milakovic ġie f’pajjiżna fejn mexxa lil Sliema għal staġun u nofs.
//= $special ?>