Lokali

Vitals Global Healthcare ma tistax tagħti kummenti lill-media mingħajr il-permess tal-Gvern

Rapport f’The Malta Independent jiżvela kuntratt li tpoġġa fuq il-Mejda tal-Kamra tar-Rappreżentanti li Vitals Global Healthcare li magħha l-Gvern għamel kuntratti biex tmexxi l-Isptarijiet Karen Grech, St Luke’s u l-Isptar Ġenerali ta’ Għawdex ma tistax tagħti kummenti lil media sakemm ma jkollhiex permess bil-miktub mingħand il-Gvern.

Kien propju nhar l-Erbgħa li l-Gvern ippubblika tliet ftehim ma Vitals Global Healthcare wara li din il-kumpanija intagħżlet bħala l-prefered bidder għal din l-iskema tal-Public Private Partnership.

Fil-fatt fil-kuntratt jirriżulta li hemm klawsola li tgħid li l-kumpanija barranija ma tistax tikkomunika ma rappreżentanti tal-media dwar xi ħaġa marbuta mal-ftehim mal-Gvern jew mas-servizzi li se tagħti sakemm ma jkollhiex permess bil-miktub mill-Gvern. Kull talba li ssir lill-kumpanija anke mill-Parlament Malti jew xi entità tal-Gvern, trid tkun riferuta lill-Gvern.

Skont il-klawsola, id-deċiżjoni tal-Gvern hi finali u konklussiva.

Dan ikompli joħloq aktar dubji dwar dan il-ftehim li l-Gvern għamel ma kumpanija barranija dwar l-isptarijiet imsemmija wara li l-Gvern naqas li jippubblika l-kuntratti sħaħ tal-ftehim.

B’kollox, mill-kuntratti hemm aktar minn 60 paġna li ġew iċċensurati, fosthom 43 paġna mill-kuntratt dwar il-konċessjonijiet ta’ servizzi u 23 paġna mill-ftehim li jitkellem dwar il-mod kif jinghata s-servizz tas-saħħa. Barra minhekk, fil-paġni li tħallew fid-dokument hemm ammont kbir ta’ spazju vojt, li wkoll jidhru li ġew iċċensurati, fosthom numru ta’ dati li ġew mgħottija.

Nieqsa wkoll mill-kuntratt, għax ġiet iċċensurata wkoll, hekk is-somma miftehma għall-privatizazzjoni tal-isptarijiet.