Ambjent

Il-konsultazzjoni se tiġi estiża b’għaxart ijiem biss

Il-Kap tal-Oppożizzjoni jappella biex iż-żmien ta’ konsultazzjoni jkun estiż b’mod raġjonevoli

Il-proċess ta’ konsultazzjoni fuq il-power station u t-tanker tal-gass se jittawwal b’għaxart ijiem biss, bil-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil jinsisti biex il-konsultazzjoni tiġi estiża għal perjodu raġjonevoli.

F’ittra mibgħuta miċ-Chairman tal-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi Victor Axiak, l-Awtorità ikkonfermat l-estensjoni ta’ din il-konsultazzjoni sas-27 ta’ Novembru, wara li Simon Busuttil kien għamel talba biex ikun estiż il-perjodu ta’ konsultazzjoni, fid-dawl li r-rapporti fihom aktar minn 15,000 paġna.

Iżda l-ERA estendiet il-proċess ta’ konsultazzjoni b’għaxart ijiem biss, bil-Kap tal-Oppożizzjoni iwieġeb l-ittra taċ-Chairman tal-Awtorità biex jinsisti li l-perjodu ta’ konsultazzjoni jiġi estiż b’mod li tassew jagħti ċans lil kulħadd biex jaqra, jistudja u janalizza l-informazzjoni kollha li ġiet pubblikata.

Il-konsultazzjoni pubblika nfetħet l-Erbgħa u originarjament kienet miftuħa għal 30 ġurnata biss. Issa din zdiedet b’ghaxart ijiem, ammont li skont il-Kap tal-Oppożizzjoni mhuwiex ammont raġjonevoli.

Kif spjegat fl-ewwel ittra li l-Kap tal-Oppożizzjoni bagħat liċ-Chairman tal-ERA, ir-rapporti ppubblikati nhar l-Erbgħa fihom eluf ta’ paġni li mhux biss iridu jinqraw, iżda trid issir ukoll il-konsultazzjoni dwarhom.

Fl-ittra lill-ERA, Simon Busuttil qal li t-talba kienet qed issir issa għax kien biss issa, wara pressjoni kbira u wara aktar minn sentejn ta’ stennija li kienu ippubblikati r-rapporti relevanti li suppost huma l-bażi tal-proċess ta’ konsultazzjoni pubblika.