Fl-aħħar jiem ġenituri li wliedhom jinsabu fil-ħames sena tal-iskola primarja u li jattendu skejjel tal-istat, tal-knisja u anki privati għamlu kuntatt magħna fejn ma qgħadux lura milli juru r-rabja u d-diżappunt tagħhom għal mod kif se tiġi implimentata l-inizjattiva one tablet per child minn naha tad-Direttorat tal-Edukazzjoni fil-ġimgħat li ġejjin.
Fil-fatt ftit tal-jiem ilu, ġie kkonfermat li t-tfal kollha li bħalissa qegħdin fir-raba’ sena tal-iskola primarja mistennija jingħataw tablet mill-gvern bħala parti minn din l-inizjattiva u wegħda elettorali. Jidher li din il-preżentazzjoni mistennija ssir lejn l-aħħar tas-sena, bħallikieku qisu t-tablet ikun rigal tal-Milied għal dawn it-tfal. Madanakollu dawk il-ġenituri li wliedhom jinsabu fil-ħames sena tal-primarja huma rrabjati għax iħossu li wliedhom tqabzu inġustament minn din l-inizjattiva meta suppost anki uliedhom kellhom jingħataw tablet edukattiv.
“B’ħafna pompa, lura fis-Sajf ta’ sentejn ilu, il-Ministru tal-Edukazzjoni Evarist Bartolo kien ħabbar li t-tablets se jibdew jitqassmu lit-tfal fl-iskejjel fil-bidu tas-sena skolastika 2015-2016 iġifieri sena ilu meta wliedna kienu fil-Year 4. Din l-aħbar konna qrajniha fil-gazzetti kollha. Madanakollu dan il-proġett twal għal sena sħiħa biex b’hekk uliedna li llum qegħdin fil-ħames sena tal-primarja spiċċaw tqabbżu u se jibqgħu bla tablet. Uliedna x’għandhom anqas mill-ohrajn,” qaltilna ġenitur li binha jattendi skola tal-knisja u li żiedet tgħid li dan huwa l-ħsieb ta’ ħafna ommijiet ohra li wliedhom qegħdin fil-ħames sena tal-primarja bħal tagħha.
“Jekk sentejn ilu ma kellhomx idea dwar meta se jibdew iqassmu t-tablets lit-tfal ahjar ma tkellmu xejn,” ikkummentat omm ohra li binha jattendi l-istess skola. Minn naha l-ohra omm ta’ tifla ohra li wkoll tinsab fil-ħames sena tal-primarja qaltilna li kien inutli li fil-jiem li għaddew hi u ġenituri ohra wrew d-diżappunt tagħhom dwar din is-sitwazzjoni fuq il-paġna Edukazzjoni fuq facebook li tidher li hi amministrata mid-Dipartiment tal-Edukazzjoni. “Billi ħallejna messaġġ x’ħadna, lanqas hadd ma ndenja ruħu jweġibna u jgħidilna għaliex kien hemm dan id-dewmien. L-aqwa li jitfgħulna r-ritratti tal-irjus il-kbar jaqsmu ż-żigarelli u jgħidulna kemm tejbu t-taparsi servizz ta’ customer care,” żiedet tgħid din l-omm.
Missier li wkoll għamel kuntatt magħna u li bintu tattendi skola tal-istat qalilna li minn naħa tiegħu avviċina l-kap tal-iskola ta’ bintu u talab spjegazzjoni dwar kif żviluppat din is-sitwazzjoni. “Ngħidlek li lil dan il-kap tal-iskola dħassartu. Qalli jien ma naf xejn x’inhu jiġri. Aħna l-kapijiet tal-iskejjel konna biss involuti billi talbuna l-lista tal-għalliema u l-lsas li jgħallmu fir-raba’ u l-ħames sena biex jattendu kors ta’ ftit siegħat fuq tliet ijiem. Dan il-kors li kellu jiġi offrut f’Lulju ġie pospost għal Settembru u ġie offrut biss lill-edukaturi tar-raba’ sena. Fuq it-tablets qatt ma ġejna konsultati u dwar il-mudell tat-tablet li se jingħata lit-tfal aktar sirt naf mingħand l-għalliema li attendew il-kors milli mingħand l-awtoritajiet. Sfortunatament hekk aħna stmati spiċċa jgħidli l-kap tal-iskola,” ikkonkluda dan il-ġenitur.
Sal-lum għadu mhux magħruf għaliex din l-inizjattiva ġiet posposta b’sena. Oriġinarjament il-pjan kien li matul is-sena skolastika 2014-2015 isir il-proġett pilota f’numru ta’ skejjel tal-istat, tal-knisja u indipendenti biex umbagħad wara li jitħejja r-rapport finali jibda x-xogħol biex l-inizjattiva tiġi implimentata fil-bidu tas-sena skolastika 2015-2016.
//= $special ?>