Heritage Malta tinsisti li l-biċċa minn kwadru li nxtrat f’irkant f’Marzu li għadda hi xogħol ta’ Mattia Preti. Waqt laqgħa għall-ġurnalisti, il-kuratur ewlieni fil-Mużew tal-Arti Sandro Debono qal li filwaqt li jirrispetta l-opinjoni ta’ kulħadd, Heritage Malta hi konvinta mill-akkwist li għamlet.
Sandro Debono qal li din il-konvinzjoni dwar l-akkwist hi ibbażata fuq riċerka estensiva, qbil kważi unanimu li l-biċċa hija mill-id tal-artist, ir-riċerka separata mill-kumpanija Franċiża tal-irkant Artcurial, li tgawdi rispett internazzjonali u li hemm garanzija fuq ir-rapport tagħha għal sentejn, il-kwalita’ tal-kwadru u l-evidenza teknika.
Il-Pittura in kwistjoni hi Appelles – artist famuż Grieg tal-era klassika – ipinġi ritratt ta’ Campaspe, is-sieħba ta’ Alessandru l-Kbir, fil-preżenza tiegħu. Din il-pittura hi wkoll awto-ritratt għaliex Preti pinġa lil Apelles fi xbieha tiegħu. Il-pittura inqasmet fi tliet biċċiet. Il-biċċa li turi lil Alessandru l-Kbir tinsab f’kollezzjoni privata, il-biċċa li turi lil Campaspe hi parti minn kollezzjoni pubblika f’Ariccia l-Italja u bħalissa qiegħda għall-wiri fil-Ġermanja u l-biċċa tal-artist Apelles ipinġi lil Campaspe hi l-biċċa li nxtrat minn Heritaga Malta għall-prezz ta’ €75,000.
Dwar il-biċċiet ta’ Alessandru u Campaspe, Sandro Debono qal li l-istudjużi huma prattikament unanimi li dawn ħarġu mill-id ta’ Preti. L-uniku dubju li hemm, kompla l-kuratur, hu li jista’ jkun hemm l-intervent tal-bottega li għen fix-xogħol tal-kwadru, iżda hemm kważi l-unanimita’ li Preti innifsu ħadem fuq il-kwadru.
Anthony Spagnol, restawratur li ħadem fuq diversi xogħolijiet, fosthom anki tal-istess Preti, qal li l-biċċa li nxtrat minn Heritage Malta taqbel perfettament mal-biċċa tal-mużew ta’ Ariccia. Kemm il-kwalita’ tat-tila, l-istil u anki l-kwalita’ jindikaw li huma xogħol tal-Preti innifsu.
Spagnol qal li jiġri hu li l-artist jintalab jagħmel iktar minn versjoni waħda ta’ pittura partikolari. Hu silet id-differenza bejn versjoni u riproduzzjoni, b’tal-ewwel tkun tpinġija oħra li tkun magħmula mill-istess artist filwaqt li riproduzzjoni hi tpinġija magħmula mill-assistenti tal-artist li jaħdmu fl-istudju tiegħu, jew bottega kif kien magħruf dak iż-żmien.
Dan ix-xiri ġie fiċ-ċentru ta’ kontroversja iktar kmieni l-ġimgħa li għaddiet wara li l-Professur Keith Sciberras, il-Kap tad-Dipartiment tal-Istorja tal-Arti fl-Universita’ ta’ Malta, sostna li l-biċċa li nxtrat minn Heritage Malta ma ħarġitx mill-id ta’ Preti iżda hi riproduzzjoni maħduma mill-bottega ta’ Preti. Heritage Malta kienet ikkwotat diversi studjużi li jsostnu li l-biċċa tpinġiet minn Preti nnifsu, fosthom il-Professur Vittorio Sgarbi. Dan tal-aħħar, filwaqt li oġġezzjona li ismu żżeffen fin-nofs mingħajr permess, qal li hu konvint li dan hu xogħol minn membru tal-Bottega ta’ Preti.
//= $special ?>