Mijiet ta’ nies fl-Iraq qegħdin ikunu trattati għall-effetti ta’ dħaħen u gassijiet velenużi wara li qabad impjant waqt il-ġlied bejn qawwiet tal-Gvern Iraqi u t-terroristi tal-ISIS.
Il-militar tal-Istati Uniti qal li l-ġellieda tal-ISIS qabbdu l-impjant huma u jaħarbu mill-avvanz tal-Armata Iraqqija fuq Mosul, li ilu x-xhur iservi bħala l-fortizza ewlenija tat-terroristi fl-Iraq. Intant, suldati Amerikani li huma bbażati qrib il-belt ta’ Mosul kellhom jilbsu l-maskri protettivi għal kontra d-dħaħen li kienu ħerġin mill-impjant.
Ftit tal-ħin ilu, id-dħaħen bdew javviċinaw il-mitjar ta’ Qayyarah meta s-Segretarju tad-Difiża tal-Istati Uniti, Ash Carter, kien qed jagħmel żjara sorpriza fil-kapitali Iraqqija, Bagdad.
Sadanittant, il-qawwiet tal-Iraq li qed imexxu l-offensiva fuq l-ISIS f’Mosul daħlu fl-inħawi ta’ Qaraqosh, ftit ‘il hinn minn din il-belt lejn in-nofsinar. Il-belt ta’ Qaraqosh kienet l-akbar waħda tal-Kristjani fl-Iraq qabel il-gwerra u llum tinsab, fil-parti kbira abbandunata. Madankollu iz-zona hi xorta perikoluża bl-ISIS iqiegħdu l-landmines fl-inħawi u tul l-aċċessi l-oħrajn lejn Mosul.
Il-militanti tal-ISIS, fil-preżent, qegħdin imexxu l-kontra-attakki b’terroristi suwiċida, fejn, fost oħrajn, qed isuqu vetturi mimiljin bl-isplussivi lejn il-pożizzjonijiet tal-qawwiet tal-Gvern Iraqi u tal-ġellieda Kurdi alleati ma’ dawn il-qawwiet.
//= $special ?>