Fir-ritratt mix-xellug għal-lemin; Dun Luke Seguna, Dun Mario Mangion u Dun Anton Cassar.
Il-Knisja f’Malta fi stqarrija qalet li l-Arċisqof Charles J. Scicluna ħatar żewġ arċiprieti ġodda f’Ħal Qormi u f’Bormla u kappillan ġdid Marsaxlokk. L-arċipriet il-ġdid fil-parroċċa ta’ San Ġorġ Martri f’Ħal Qormi huwa Dun Mario Mangion, dak f’Bormla huwa Dun Anton Cassar u l-kappillan ġdid f’Marsaxlokk huwa Dun Luke Seguna.
Min hu l-kappillan il-ġdid fil-Parroċċa ta’ Marsaxlokk?
L-Arċisqof Charles J. Scicluna ħatar lill-Kan. Dun Luke Seguna bħala kappillan tal-Parroċċa tal-Madonna ta’ Pompei, Marsaxlokk. Dun Luke Seguna twieled fit-13 ta’ Awwissu 1983. Huwa rċieva l-edukazzjoni primarja fl-iskola tas-Sorijiet tal-Karità u fil-Kulleġġ De La Salle fejn irċieva wkoll l-edukazzjoni sekondarja. Kompla bl-edukazzjoni terzjarja fil-Fakultà tat-Teoloġija (Filosofija u Teoloġija) fl-Università ta’ Malta, fejn studja wkoll it-Teoloġija Pastorali.
Dun Luke ġie ordnat saċerdot fit-3 ta’ Lulju 2009. Beda l-ħidma pastorali tiegħu bħala djaknu fil-Parroċċa ta’ Santa Katarina, iż-Żurrieq, u wara bħala viċi-kappillan fil-Parroċċa tal-Madonna tal-Grazzja, Ħaż-Żabbar. Fl-2012 beda jservi bħala viċi-kappillan fil-Parroċċa ta’ San Pawl, ir-Rabat, kif ukoll bħala rettur taż-żona pastorali tan-Nigret.
Min hu l-Arċipriet il-ġdid għall-parroċċa ta’ San Ġorġ Martri, f’Ħal Qormi?
L-Arċisqof Charles J. Scicluna ħatar lil Dun Mario Mangion bħala arċipriet tal-Parroċċa ta’ San Ġorġ Martri, Ħal Qormi.
Dun Mario Mangion twieled fit-18 ta’ Mejju, 1981. Huwa rċieva l-edukazzjoni primarja u sekondarja fil-Kulleġġ Santu Wistin, u kompla l-istudji terzjarji fil-Fakultà tat-Teoloġija (Filosofija u Teoloġija) fl-Università ta’ Malta.
Dun Mario ġie ordnat saċerdot fl-1 ta’ Lulju 2007. L-ewwel esperjenza pastorali tiegħu kienet fil-Parroċċa taż-Żejtun, fejn serva bħala viċi-arċipriet għal tliet snin. Fl-2010 huwa nħatar kappillan tal-Parroċċa ta’ Marsaxlokk fejn serva għal dawn l-aħħar sitt snin.
Il-Parroċċa ta’ San Ġorġ Martri, Ħal Qormi, tiġbor fiha madwar 10,000 persuna f’2,870 familja.
Min hu l-Arċipriet ġdid għall-parroċċa ta’ Bormla
L-Arċisqof Charles J. Scicluna ħatar lil Kan. Dun Anton Cassar bħala arċipriet tal-Parroċċa tal-Immakulata Kunċizzjoni, Bormla.
Dun Anton Cassar twieled fid-29 ta’ Jannar 1961. Huwa rċieva l-edukazzjoni primarja fl-iskola tas-Sorijiet Franġiskani, Bormla, u l-edukazzjoni sekondarja fis-Seminarju tal-Arċisqof.
Kompla l-istudji terzjarji fil-Fakultà tat-Tejoloġija (fil-Filosofija u t-Teoloġija), ir-Rabat, u kiseb liċenzjat fit-Teoloġija Pastorali mill-Università ta’ Malta.
Dun Anton ġie ordnat saċerdot fit-8 ta’ Lulju 1988. Beda l-ħidma pastorali tiegħu bħala viċi-arċipriet fil-Parroċċa ta’ Santa Katarina, iż-Żejtun. Fl-1995 inħatar kappillan fil-Parroċċa ta’ Sant’ Anna, Wied il-Għajn, u fl-2005 inħatar arċipriet tal-parroċċa ta’ San Ġorġ Martri, Ħal Qormi.
Il-parroċċa tal-Immakulata Kunċizzjoni, Bormla, tiġbor fiha madwar 5,657 persuna f’1,600 familja.
//= $special ?>