Kurżitajiet

Istanbul – l-unika belt fid-dinja li tistrieħ fuq żewġ kontinenti

Għal min iħobb l-istorja u jesperjenza kulturi differenti f’post wieħed, ftit hemm bliet li joffru diversita’ bħalma toffri Istanbul fit-Turkija. Biżżejjed wieħed iħares lejn il-pożizzjoni ġeografika unika hekk kif il-belt tistrieħ kemm fuq il-kontinent Ewropew kif ukoll il-kontinent Ażjatiku.
Sa mit-twaqqif tagħha bħala Byzantium (iktar tard Konstantinopoli sakemm ingħatat l-isem li għandha llum wara li ntrebħet mill-qawwiet Ottomani fl-1453), Istanbul kienet minn dejjem fost l-iktar bliet kbar u importanti fl-istorja u dan jidher fil-monumenti ta’ importanza dinjija li huma xhieda tal-influwenza Rumana, Biżantina, Musulmana u Ottomana fuq il-belt. Għalkemm m’għadhiex il-belt kapitali tal-Istat Tork, Istanbul hi bla dubju iċ-ċentru kulturali, ekonomiku u storiku tal-pajjiż, kif ukoll l-ikbar belt b’popolazzjoni li tqarreb il-15-il miljun persuna.
F’dawn l-aħħar jiem, flimkien ma’ kollegi oħrajn minn Malta, l-Italja, Franza, Spanja u Portugall, kellna l-okkażjoni nżuru din il-belt mill-isbaħ grazzi għal vjaġġ organizzat mill-linja tal-ajru Turkish Airlines. Fil-ftit jiem li għamilna hemmhekk, kellna l-okkażjoni nżuru fost l-isbaħ monumenti ta’ Istanbul kif ukoll l-ispeċjalitajiet u l-ospitalita’ lokali.
Iżda qabel xejn, tajjeb li wieħed jitkellem dwar is-sitwazzjoni politika fil-pajjiż. Din is-sena, f’temp ta’ ġimgħatejn, Istanbul kienet fil-mira ta’ attakk terroristiku fuq l-ajruport Ataturk u attentat ta’ kolp ta’ stat fit-28 ta’ Ġunju u l-15 ta’ Lulju rispettivament. Żewġ avvenimenti, li fi kliem iċ-Chairman ta’ Turkish Airlines Ilker Ayci kienu “trawma” għat-Turkija. Mill-ftit li stajna naraw, is-sitwazzjoni f’Istanbul hi waħda kalma bil-popolazzjoni lokali għaddejja bil-ħajja tagħha ta’ kuljum, kemm fejn jidħol xogħol, kif ukoll kummerċ u divertiment. Il-forzi tal-ordni huma preżenti fit-toroq, speċjalment fiż-żoni frekwentati minn turisti, biss ma jistax jingħad li din il-preżenza hi waħda massiċċa li tista’ tqanqal ansjeta’.
Istanbul għandha diversi ġojjelli ta’ arkitettura li jmorru lura sa mill-era Rumana. L-iktar żona fejn hemm konċentrazzjoni ta’ postijiet storiċi hi Sultan Ahmet fejn wieħed jista’ jżur postijiet bħal Hagia Sofia (ritratt fuq), il-Moskea ta’ Sultan Ahmet, jew kif inhi magħrufa bħala l-Moskea l-blu għall-kulur ewlieni tal-madum fl-intern tal-moskea

Blue Mosque
u l-palazz Topkapi, li kien il-palazz tas-Sultan u ċ-ċentru amministrattiv tal-Imperu Ottoman għal erba’ sekli sa nofs is-seklu 19.

Topkapi Palace
Attrazzjoni oħra hi l-ġibjun tal-Basilica. Mibni fis-seklu 6, dan il-ġibjun ġgantesk jaħżen eluf ta’ glalen ta’ ilma ġieri u flimkien ma’ għexieren ta’ ġibjuni oħra madwar il-belt u l-fortifikazzjonijiet kbar, għen sabiex tul iż-żmien, Konstantinopoli (u Istanbul) irreżistiet għal diversi assedji. Fil-fatt, fl-istorja tagħha, din il-belt intrebħet darbtejn biss, fl-1204 u fl-1453. Dan il-ġibjun tnaddaf u nfetaħ għall-pubbliku fl-1985.
Basilica Cistern

Iżda fost l-aħjar modi li wieħed jista’ jgawdi l-ġmiel ta’ Istanbul hi li jmur fuq cruise fuq il-Bosforu – il-fliegu li jaqsam il-parti Ewropea u l-parti Asjatika ta’ Istanbul. Apparti l-istrutturi moderni bħall-pont tal-Bosforu, wieħed jista’ jammira l-ġmiel tal-palazzi li nbnew mis-Slaten Ottomani kif ukoll diversi membri għolja tas-soċjeta’ Ottomana. Ta’ min jgħid li għal dawn l-aħħar numru ta’ snin, il-Gvern Tork attwa politika li fiha ma jistax isir iktar bini f’żoni mhux żviluppati madwar il-kosta tal-Bosforu u l-uniku żvilupp li hu permess, hu dak ta’ rinovazzjoni ta’ strutturi antiki li iżda, iridu jerġgħu jinbnew fl-istat oriġinali tagħhom. F’dan il-lat, nistgħu ċertament nieħdu l-eżempju tat-Torok dwar kif nħarsu l-ambjent urban minn żvilupp bla rażan!
Attrazzjoni oħra hi s-suq famuż tal-ħwawar li twaqqaf fl-1664.

Spice Market
Dan is-suq hu magħruf ukoll bħala is-suq Eġizzjan minħabba li l-kostruzzjoni tiegħu kienet finanzjata mit-taxxi li nġabru mill-provinċja Eġizzjana tal-Imperu Ottoman. Dan hu t-tieni l-iktar suq famuż wara l-Grand Bazaar li hu fost l-eqdem u l-ikbar swieq magħluqin fid-dinja. Ix-xogħol fuqu kien beda fl-1455, sentejn wara li l-belt kienet waqgħet taħt il-kontroll tal-Ottomani.
Żjara li wieħed m’għandux x’jitlef hi dik tal-Moskea Blu. Viżitaturi jitħallew iżuru l-moskea meta ma jkunx għaddej it-talb. Kull min jidħol fil-moskea hu obbligat li jneħħi ż-żraben u n-nisa jintalbu jgħattu xagħarhom b’velu u jekk ikunu lebsin jeans jew qalziet, jingħataw dublett mill-istaff tal-moskea stess. Għaldaqstant, wieħed ma jagħmilx ħażin li jlesti par kalzetti żejda u li jilbes ilbies adattat, għaliex hi żjara li mhux ta’ min wieħed jitlifha.
Informazzjoni prattika dwar Istanbul
Kif tasal
• Turkish Airlines topera żewġ titjiriet kuljum minn Malta – 10.50a.m. u 6.55p.m. (It-titjira hi ta’ madwar sagħtejn u għoxrin minuta)
• Kull min jivvjaġġja lejn it-Turkija għandu bżonn visa. Din tista’ tinħareġ online bla ħlas fuq is-sit www.evisa.gov.tr
Ħin
• Istanbul hi siegħa ‘il quddiem mill-ħin ta’ Malta (CET+1)
Flus
• Il-munita hi l-lira Torka. Rata tal-kambju tipika hi €1= ₺3.3. Diversi ħwienet jaċċettaw karti ta’ kreditu u wħud minnhom jaċċettaw ukoll ewro u dollari.
Trasport
• F’Istanbul hemm diversi modi ta’ kif wieħed jivvjaġġa minn post għall-ieħor
o Bil-baħar – diversi vjaġġi fuq il-Bosforu fejn wieħed jista’ jaqsam bejn iz-zona Ewropea u z-zona Asjatika. Il-vjaġġi jaħdmu bejn 6a.m. u 10p.m.
o Tram – jaħdem f’diversi inħawi l-iktar fid-distrett ta’ Sultan Ahmet fejn hemm l-iktar attrazzjonijiet famużi
o Metro – Istanbul għandha sistema ta’ metro li tħabbatha sew ma’ dik ta’ bliet kbar ewropej. Wieħed jista’ wkoll juża’ l-metro biex mill-ajruport Ataturk għaċ-ċentru tal-belt (Distrett Yenikapi qrib Sultan Ahmet). Il-metro jaħdem bejn is-6a.m. u 12.00 a.m.
o Tal-linja – Tal-linja taħdem b’mod regolari mis-6a.m. sal-11p.m.
• Bl-‘Istanbulkart’, li hi simili għall-oyster card ta’ Londra, wieħed jista’ juża dawn il-forom ta’ trasport u tinxtara għall-prezz ta’ 10 liri Torok (madwar €3) mill-istazzjonijiet tal-metro jew tat-tram.
Komunikazzjoni
• It-tariffi biex tagħmel telefonati u tibgħat messaġġi mit-Turkija huma pjuttost għoljin u t-tariffi tad-data huma projbittivi. Jekk assolutament tridu ttellgħu dak is-selfie fuq il-media soċjali, araw li tagħmlu dan f’postijiet li joffru aċċess għal wi-fi.