Internazzjonali

Ottimiżmu dwar ftehim bejn l-UE u l-Kanada minkejja ‘l-ostakolu’ ta’ reġjun Belġjan

Il-President tal-Parlament Ewropew, Martin Schulz  esprima ottimiżmu li ftehim għall-kummerċ ħieles bejn l-Unjoni Ewropea u l-Kanada se jkun iffirmat dalwaqt minkejja ostakli tal-aħħar minuta. Schulz qal li l-Ewropej issa huma fid-dmir li jirrisolvu l-oġġezzjonijiet għall-ftehim li ġejjin mir-reġjun ta’ Vallonja, fil-Belġju.

Martin Schulz kien qed jitkellem wara laqgħat, fi Brussell, mal-Ministru Kanadiż għall-Kummerċ, Chrystia Freeland u Paul Magnette, il-Kap ta’ Vallonja. Fl-aħħar kummenti Schulz qal li hu konvint li tinstab soluzzjoni aċċettabbli għal kulħadd waqt li l-Ministru Freeland esprimiet tama li l-istaġnar jinħall ma jdumx.

It-taħditiet dwar il-Ftehim Ekonomiku u Kummerċjali Komprensiv,  magħruf bħala ‘Ceta’, sabu intopp ilbieraħ meta  r-reġjun ta’ Vallonja ċaħad għall-ftehim, skont id-dritt tiegħu taħt il-kostituzzjoni federali tal-Belġju. Ir-reġjun Belġjan, fejn jgħixu 3.6 miljun persuna, sejjaħ għal ‘kjarifika’ dwar is-salvagwardi dwar ix-xogħol kif ukoll dwar il-livell tal-ambjent u l-interessi tal-konsumatur.

It-28 Stati-membri tal-UE kollha jappoġġjaw il-ftehim ‘Ceta’ fost it-tamiet li dan  ikun iffirmat il-ġimgħa d-dieħla. Taħt il-ftehim, li kien innegozjat fuq ħames snin bejn l-2009 u l-2014, l-Unjoni Ewropea u l-Kanada għandhom jeliminaw mat-98 fil-mija tat-tariffi. Is-sostenituri tal-ftehim jgħidu li dan il-pass għandu jżid il-kummerċ bejn l-UE u l-Kanada b’20 fil-mija.