Internazzjonali

Is-Sirja akkużata dwar attakk bl-armi kimiċi

Il-Kunsill tas-Sigurtà tan-Nazzjonijiet Uniti għandu f’idejh rapport kunfidenzjali li qed jgħid li l-qawwiet tal-Gvern tas-Sirja, is-sena l-oħra, wettqu tielet attakk bl-armi kimiċi fuq provinċja Sirjana.

Ir-rapport qal li f’Marzu tal-2015, ħelikopters tal-qawwiet leali għall-President Sirjan, Bashar al-Assad, kienu waddbu l-barrel bombs bil-gass tal-klorin għal fuq il-provinċja ta’ Idlib, lejn il-Majjistral tas-Sirja.

Dawn il-barrel bombs huma pprojbiti mill-komunità internazzjonali, b’rapport preċedenti imħejji mill-Organizzazzjoni għall-Projbizzjoni tal-Armi Kimiċi anki jakkuża lill-Gvern Sirjan dwar żewġ attakki oħra bil-gass li seħħew is-sena l-oħra.

Il-Gvern ta’ Assad ma kkummentax dwar dawn ir-rapporti, meta s-Sirja, fl-2013, kienet qablet  li teqred il-ħażniet tal-armi kimiċi taħt it-termini ta’ ftehim li kien innegozjat bejn ir-Russja u l-Istati Uniti.