Internazzjonali

Trump jattakka lil Michelle Obama

Il-kandidat Repubblikan għall-Presidenza tal-Istati Uniti, Donald Trump, issa ħareġ jattakka lill-First Lady Amerikana, Michelle Obama, fejn qal, fost oħrajn, li din ħsiebha biss biex tgħin il-kampanja ta’ Hillary Clinton li qed tikkuntesta għall-White House għan-nom tal-Partit Demokratiku.

Trump, li kien qed jitkellem waqt rally għall-partitarji f’North Carolina, anki akkuża lil Michelle Obama dwar każ li jmur lura għall-2007 fejn il-First Lady kienet ħarġet bi stqarrija interpretata bħala attakk fuq il-kapaċitajiet ta’ Hillary Clinton li ssir President tal-Istati Uniti. Donald Trump kompla jagħfas fuq din il-linja minkejja li l-kamp tal-President Barack Obama kien ċaħad li l-kliem partikulari tal-First Lady Amerikan kienu saru b’referenza għal Hillary Clinton.

Min-naħa tagħha, Hillary Clinton, fil-lejl tal-Ġimgħa, għamlet diskors fi Cleveland, fl-Istat ta’ Ohio, fejn akkużat lil Donald Trump li se joħroġ bħala theddida għad-demokrazija jekk hu ma jaċċettax ir-riżultat tal-elezzjoni għall-Presidenza tal-Istati Uniti li se ssir fit-8 ta’ Novembru.