Lokali

Fuq sentejn, il-prezzijet mill-powerstation ta’ Muscat huma €138 miljun aktar mill-interconnector

Kieku l-powerstation ta’ Muscat bdiet taħdem fiż-żmien imwiegħed – jiġifieri fl-2015, kieku pajjiżna kien iħallas €138 miljuni aktar f’ġenerazzjoni tal-elettriku.

Skont studju indipendenti kkummissjonat mill-Partit Nazzjonalista, jirriżulta li pajjiżna franka dawn il-miljuni kollha grazzi għall-interconnector – proġett ta’ Gvern Nazzjonalista.

L-istudju indipendenti, li kien kwotat mill-gazzetta ‘The Malta Independent on Sunday’ iħares lejn il-prezz tal-elettriku kif inxtara mill-interconnector fl-aħħar sentejn, u jħares ukoll lejn il-prezz tal-istess elettriku li kieku dan kellu jinxtara bir-rati tal-electrogas – jiġifieri mill-powerstation ta’ Joseph Muscat.

Bil-powerstation ta’ Muscat, fl-2015 pajjiżna kien jonfoq €54 miljuni aktar fil-ġenerazzjoni tal-elettriku, filwaqt li fl-2016 pajjiżna kien jonfoq 84 miljuni aktar.

Skont statistika tal-Eurostat (l-aġenzija Ewropea tal-istatistika), fl-2016 Malta kisbet aktar minn 70% tal-elettriku kollu mill-interconnector.

Intant, il-Gvern ikkommetta ruħu mal-electrogas li jixtri l-elettriku bl-ogħli għal 18-il sena sħaħ – anke jekk mill-interconnector dan jista’ jinxtara bi prezzijiet orħos. Il-Kummissjoni Ewropea filfatt qed tinvestiga dan il-ftehim, imsejjaħ ‘Security of Supply Agreement’.