Lokali

Il-powerstation tal-gass mhux se tkun tista’ titħaddem fil-maltempati – studji

Il-powerstation tal-gass se jibda jkollha tintefa għal ġranet sħaħ minħabba l-maltemp. Żvelat dan il-gazzetta ‘The Sunday Times of Malta’.

The Times tikkwota rapporti li ġew ippubblikati l-ġimgħa li għaddiet bħala parti minn proċess ta’ konsultazzjoni dwar it-tanker u l-powerstation tal-gass. Konsultazzjoni li qed issir wara li l-powerstation bdiet tinbena u wara li t-tanker tal-gass iddaħħal fil-bajja ta’ Marsaxlokk.

Skont ir-rapporti, kkwotati minn The Times, it-tanker ‘Armada LNG Mediterrana’ se jkollu jinqala’ minn mal-jetty tal-anqas tlett darbiet fis-sena minħabba maltemp partikolari li jolqot il-bajja ta’ Marsaxlokk b’qawwa. Skont l-istudji li saru, f’sena waħda jistgħu isiru tlett maltempati mix-xlokk, li normalment idumu sa’ tlett ijiem kull maltempata.

Minħabba f’hekk, il-powerstation tal-gass ma tkunx tista’ topera peress li l-ħażna tal-gass se tkun f’dan it-tanker li se jkun ankrat fil-bajja ta’ Marsaxlokk għal 18-il sena sħaħ.

The Times tikkwota kelliem għall-electrogas jgħid li meta t-tanker jinqala’ minn mal-jetty minħabba l-maltemp, l-enemalta jkollha tara minn fejn se tiġġenera l-elettriku.