Għada, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Simon Busuttil, jagħti fil-Parlament il-veduti tal-Oppożizzjoni dwar il-baġit u l-viżjoni ekonomika alternattiva tiegħu għall-pajjiż.
Hu u jipprepara d-diskors importanti tiegħu, il-mument intervistat il-Kap tal-Partit Nazzjonalista.
Il-Ministru tal-Finanzi fid-diskors tal-Baġit qal li l-inflazzjoni mhix ta’ preokuppazzjoni ghall-poplu Malti. Min-naha l-ohra fl-aħħar tliet snin kellna zieda fin-nies li jinsabu fir-riskju tal-faqar. Ma taħsibx li għandna ċirkostanzi kontraditorji?
L-għoli tal-ħajja qed jerġa’ jsir problema reali u problema li titfa’ dubju fuq iċ-ċifri tal-Gvern. Dan għax l-istudju xjentifiku tal-Caritas dwar il-faqar, il-pagi u l-għoli tal-ħajja juri li l-inflazzjoni vera li qed ibatu l-familji bi dħul medju u baxx hi ferm ogħla minn kif jgħid li qiegħda l-Gvern.
Id-differenza bejn il-paroli tal-Gvern u l-ekonomija vera fil-but tan-nies tidher fiċ-ċifri dwar il-faqar. Il-faqar żdied bl-eluf kif juru l-aħħar ċifri tal-Gvern stess minn 88,000 kif kien jgħid il-Partit Laburista anke fil-programm elettorali tiegħu għal aktar minn 94,000 fl-aħħar ċifri. L-istudju xjentifiku tal-Caritas kompla wera kif min kien fil-faqar fl-2012 kompla għodos aktar fl-2015 u min kien fix-xifer evidentement waqa’ fil-faqar.
X’impatt tara li se jkun hemm bil-miżuri li daħħal il-Gvern li se jghollu l-prezz ta’ affarijiet marbuta max-xogħol ta’ kostruzzjoni u ta’ prodotti essenzjali u servizzi anċillari li se joqltu lill-konsumatur irrelevanti mid-dħul finanzjarju?
Dan il-baġit kompla ma’ dak li ilu jagħmel il-Gvern għal aktar minn tliet snin u nofs: jimponi taxxi indiretti li jieħdu l-flus minn bwiet il-ħaddiema fi prezzijiet ogħla waqt li l-pagi jitbaxxew b’mod reali għax mhumiex qed ilaħħqu mal-għoli tal-ħajja. Dan rajnieh fil-prezzijiet tal-petrol u d-diesel li raħsu biċ-ċenteżmi meta l-prezz dinji taż-żejt waqa’ b’żewġ terzi kemm ilu dal-Gvern.
It-taxxi ġodda fuq numru ta’ prodotti, fosthom ħafna prodotti marbutin mal-industrija tal-kostruzzjoni, ikomplu jgħollu l-prezzijiet għal min jixtri jew jirranġa propjetà. Dan l-għoli qed iseħħ tort tal-Gvern meta l-propjetà nafu li qed togħla għal kull min jixtriha, l-aktar għall-koppji żgħażagħ li dejjem huma l-akbar ‘suq’ tal-propjetà.
Il-problema hi li dan l-għoli fil-propjetà ftit li xejn jirrifletti ruħu fl-indiċi tal-prezzijiet u allura l-Gvern jagħti żidiet li ma jirrflettux verament ir-realtà tal-prezzijiet veri f’dak li l-familji jixtru verament.
Tahseb li l-miżuri li jolqtu lill-pensjonanti u dawk bil-paga minima, uħud minnhom kienu proposti li għamlet l-Oppożizzjoni mhux se jkunu biżżejjed fl-isfond li l-Gvern daħħal sensiela ta’ taxxi li jaffettwaw il-but ta’ kulħadd?
Problema kbira li Joseph Muscat bilfors kellu jammetti f’dal-baġit hi li l-aħħar tliet snin u nofs taw daqqa qawwija lill-pagi u lill-pensjonijiet. L-għafsa fuq il-pagi u fuq il-pensjonijiet qiegħda sseħħ għax dal-Gvern ta l-agħar żidiet fi 30 sena għal għoli tal-ħajja li dak uffiċjali hu fost l-ogħla fl-Ewropa għax, fost oħrajn, il-Gvern żamm il-fuels tal-karozzi għaljin u għamel numru ta’ taxxi indiretti waqt li l-paga reali medja naqset għax iż-żidiet ma laħħqux mal-għoli tal-ħajja, imqar kif jgħid li hu l-Gvern. Dan hu kkonfermat f’ċifri maħruġin dan l-aħħar mill-Eurostat li juru li l-pagi f’Malta, wara li tneħħi l-effett tal-għoli tal-ħajja, kienu qed jonqsu.
Għalhekk irridu naraw l-ekonomija fil-but tan-nies, ras għal ras, ħaddiem ħaddiem, mhux fit-totali minfuħin biż-żieda fil-popolazzjoni, pereżermpju.
Dak li kellu jammetti u jagħti l-Gvern wisq nibża’ li mhuwiex biżżejjed, imqar biex iġib lill-ħaddiema u lill-pensjonanti fejn kienu fl-2013, jiġifieri f’pożizzjoni li jixtru bil-prezzijiet tal-lum dak li kienu jixtru meta tela’ Joseph Muscat.
Taqbel li dan il-Bagit naqas milli jindirizza l-middle class …. dik li hija fost l-aktar li ddawwar ir-rota ekonomika, anzi imponielha taxxi fuq prodotti li jikkonsmaw?
Dak li kont qed ngħid fuq il-pagi u l-pensjonijiet tal-familji bi dħul baxx jgħodd ukoll għall-familji bi dħul medju. Dan hu li juru ċ-ċifri tal-Eurostat: li l-paga medja f’Malta taħt Joseph Muscat naqset.
Problema kbira ta’ dal-Gvern hi li hu Gvern bla viżjoni għal industriji ġodda u qed jistrieħ biss fuq il-wirt li sab. M’hemmx idea waħda fil-budget għal industrija waħda ġdida li tipproduċi xi ħaġa, tesporta xi ħaġa, tħaddem il-Maltin u tħallashom pagi tajbin kif jixraq lill-ħaddiema tagħna.
Anzi l-Gvern qed jhedded industriji li wiret għax qed jaħbi u qed iċappas lil Malta bl-iskandlu tal-Panama li jagħti vantaġġ lil min irid jattakka l-vantaġġi li nagħtu f’Malta f’taxxi baxxi lil min irid jinvesti hawn.
Apparti din l-għafsa fuq id-dħul tal-familji medji, il-Gvern qed jimponi taxxi indiretti li diġà semmejt bħal dik fuq il-fuel tal-karozzi, apparti li ma raħħasx l-elettriku kif talbuh l-għaqdiet kollha tan-negozju.
X’jirrifletti fuq il-Gvern li f’Baġit bħal dan ma semma xejn fuq it-tanker tal-gass li issa jinsab fl-ibħra Maltin u daqt jidħol permanenti fil-bajja ta’ Marsaxlokk u ma lissen xejn fuq rohs fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma, u xejn dwar il-fuel meta għadu fost l-ogħla fl-Ewropa?
L-enerġija – u t-tanker li hu verament ‘monument tal-korruzzjoni’ – juru x’differenza hemm bejn il-paroli sabiħ u l-korruzzjoni. Joseph Muscat wiegħed solennement qabel u sa sena wara l-elezzjoni li jirriżenja jekk ma jagħmilx il-power station privata bla bżonn. Illum, il-power station privata u bla bżonn qiegħda diġà kwazi sentejn tard imma Joseph Muscat għadu hemm u l-ftehim mal-power station privata għadu hemm.
Illum għandna ġenerazzjoni tal-elettriku biżżejjed mill-wirt ta’ Gvern Nazzjonalista: mill-power station effiċjenti tal-BWSC, mill-interconnector ma’ Sqallija u anke mill-pannelli tax-xemx. Il-Gvern stess kellu jammetti fiċ-ċifri tiegħu stess li t-tniġġis mill-elettriku naqas b’60% bil-proġetti tal-Gvern Nazzjonalista u li qed jixtri bi rħis mill-interconnector żewġ terzi tal-elettriku li nikkunsmaw.
Imma l-Gvern intrabat li jixtri l-elettriku kollu li tipproduċi power station privata, jixtrih bil-għali bi prezz id-doppju jew it-tripplu tal-interconnector, u jixtrih kollu u bil-għali għal 18-il sena sħaħ. Dan il-ftehim jaqbel biss lil min, ħamestt ijiem wara li tela’, beda jiftaħ il-kontijiet u l-kumpaniji sigrieti fil-Panama u jgħid li se jpoġġi fihom il-miljuni li kien se jdaħħal waqt li kien fil-gvern.
X’effett tara li se jkollu l-pajjiż fis-sena u s-snin li ġejjien hekk kif dan il-Baġit huwa nieqes minn inizjattivi konkreti u meħtieġa għal żewġ oqsma, traffiku u nuqqas ta’ investiment fl-infrastruttra, li qed iħallu impatt socjo-ekonomiku u ambjentali negattiv ħafna ma’ kull ġurnata li tisbaħ?
It-traffiku hu xempju ieħor ta’ Gvern li jparla waqt li l-affarijiet imorru għall-agħar. Illum it-traffiku sar ‘kriżi u pjaga nazzjonali’, kif iddeskrivieh Jason Micallef stess. It-traffiku qed jiswa mat-300 miljun ewro lill-ekonomija tagħna skont studji serji u indipendenti; u qed jiswa flejjes kbar lill-konsumatur li jaħli l-ħin u l-fuel fit-traffiku ġġammjat.
Ma’ dan, għandna trasport pubbliku li tilef it-triq minkejja kuntratt ta’ 430 miljun ewro bil-karozzi tal-linja mwaħħlin fit-traffiku u ma jagħmlux il-vjaġġ li jkun imiss.
Fit-toroq allaħares m’hawnx il-flus tal-Ewropa għax kieku l-Gvern mhu jagħmel l-ebda proġett biex imqar itaffi l-problema tat-traffiku. Dan hu Gvern li ilu jparla fuq it-traffiku tliet snin imma morna għall-agħar.
Jiena tajtu idea prattika ta’ trasport għat-tfal kollha b’xejn filgħodu, imma l-Gvern skartaha waqt li fil-baġit qagħad jirrepeti l-istess paroli eżatt li ilu jgħid f’kull budget f’dawn l-aħħar tliet snin.
Bi Gvern li qed jgħid li l-ekonomija qed tikber, taħseb li qiegħed jikkuntenta b’dak li għandu l-pajjiż hekk kif il-Baġit ma jsemmi xejn dwar setturi ġodda tal-ekonomija? Dan kif jirrifletti fuq dan il-Gvern li ppreżenta r-raba’ Baġit f’din il-leġiżlatura?
Il-Gvern evidentement qed jistrieħ fuq il-ħafna industriji li wiret mingħand il-Gvern Nazzjonalista: il-gaming, is-servizzi finanzjarji, l-avjazzjoni, it-teknoloġija tal-informazzjoni, fost oħrajn, li llum huma l-mutur tat-tkabbir ekonomiku tagħna. Imma l-Gvern mhux qed jindirizza l-problemi evidenti li għandha l-ekonomija tagħna.
L-ewwel nett, dal-Gvern ma ġabx industrija waħda ġdida f’Malta li tkun klapaċi tipproduċi, tesporta, tħaddem il-Maltin u tħallashom pagi tajbin. Fil-fatt, qed nesportaw anqas meta l-esportazzjoni hi t-triq sostenibbli vera biex l-ekonomija tagħna tagħti pagi tajbin lill-ħaddiema tagħna; l-esportazzjoni taħt dal-Gvern naqset konsistentement. Fil-fatt ukoll, il-produzzjoni industrijali – li tinkludi l-esportazzjoni u l-produzzjoni għal Malta stess – naqset ukoll.
Il-Gvern qed jistrieħ ukoll fuq dħul ta’ darba mill-wirt tal-Gvern Nazzjonalista bil-bejgħ tal-power station tal-BWSC, tal-EneMalta u tal-isptarijiet; imma dan il-bejgħ ma jistax jirrepeti ruħu. Qed jistrieħ ukoll fuq id-dħul mill-flus tal-Ewropa. Fil-fatt, kieku tneħħi dawn iż-żewġ sorsi ta’ dħul, il-finanzi tal-Gvern qegħdin ħafna ’l bogħod mill-istampa li qed jagħti.
Minkejja dan, id-dejn tal-Gvern bejn Marzu 2013 u Marzu li għadda – l-aħħar ċifri ppubblikati – żdied bi 880 miljun ewro, nistgħu ngħidu biljun ewro, minkejja li biegħ dak li sab. Din hi ċifra inkwetanti ta’ żieda fid-dejn.
Il-Gvern qed jiddependi ħafna wkoll fuq l-ispekulazzjoni tal-art mogħtija b’xejn bħalma għamel fiż-Żonqor.
X’inhi t-triq ’il quddiem?
Għada se nuri fil-Parlament kif pajjiżna jista’ jirnexxi għall-ġid ta’ kulħadd. Imma dan ma jistax jagħmlu meta min imexxi l-pajjiż ħsiebu fil-Panama, flok fil-problemi veri.
Irridu nindirizzaw problemi bħas-sistema edukattiva f’Malta li mhix twassal lil aktar minn nofs l-istudenti ta’ 16 biex jiksbu l-Matsec; m’għandniex rabta tajba biżżejjed bejn it-taħriġ u l-bżonnijiet tal-industrija; l-obeżità llum laħqet il-livell ta’ 70% tal-popolazzjoni; l-ispazji miftuħin qed ikomplu jonqsu; x’tip ta’ industriji għandna bżonn niġbdu biex Malta tirnexxi bħala ċentru ta’ loġistika kif ngħidu fil-viżjoni ekonomika tagħna; x’ħiliet u x’korsijiet irid ikollna biex fl-industriji ġodda li niġbdu jaħdmu l-Maltin u jkunu l-Maltin li jgawdu l-pagi tajbin; x’tip ta’ bidliet se jġibu f’Malta teknoloġiji ġodda biex naħtfu l-opportunitajiet li żgur joħolqu.
Dan hu n-nuqqas kbir ta’ dan il-Gvern: ħsiebu fil-Panama flok b’xi mod jaħseb fit-tul għall-Maltin. U l-akbar ħsieb irid ikun kif u liema industriji ġodda se niġbdu lejn Malta biex il-Maltin igawdu d-dħul li jixirqilhom.
//= $special ?>