Fi tliet snin biss il-Gvern Laburista daħħal xejn inqas minn 25 persuna jaħdmu mal-Public Broadcasting Services (PBS) li fil-passat reċenti kienu jaħdmu mal-Partit Laburista jew mal-medja tiegħu.
Il-gazzetta il-mument irrappurtat li fl-aħħar ġimgħat kompliet tintensifika l-ħidma biex jidħlu għadd ta’ persuni li minbarra li huma eksimpjegati tal-Partit Laburista, huma wkoll magħrufa għal-lealtà tagħhom lejn il-Gvern Laburista.
Is-sorsi fil-PBS li tkellmu ma’ il-mument staqsew fuq is-sostenibbiltà ta’ din is-sitwazzjoni hekk kif in-numru ta’ impjegati spara ’l fuq tant li llum hemm jaħdmu mal-PBS kważi d-doppju tan-nies li kien hemm sal-elezzjoni tal-2013.
Dawn is-sorsi qalu li aktar ma jgħaddi ż-żmien, il-Gvern aktar qed ifittex li jdaħħal kemm jista’ jkun persuni leali lejh u tal-fiduċja tiegħu. “B’hekk ikun jista’ jkompli jsaħħaħ il-kontroll assolut fuq l-istazzjon minkejja li suppost iservi bħala l-istazzjon nazzjonali pubbliku u mhux tal-istazzjon portavuċi biss tal-istat.”
Dan ix-xahar biss daħlu xejn inqas minn tliet persuni oħra li kienu jaħdmu mal-midja Laburista. Żewġ ġurnalisti li sa ftit ġimgħat ilu kienu impjegati mal-midja Laburista, li wieħed minnhom kien saħansitra jaħdem mal-eks-Ministru Leo Brincat bħala Communications Coordinator.
Is-sorsi ta’ il-mument fil-PBS żiedu li mill-elezzjoni ta’ Marzu 2013 fil-Kamra tal-Aħbarijiet iddaħħlu xejn inqas minn seba’ ġurnalisti. Dawn il-ħatriet ġew approvati mill-Kap tal-Aħbarijiet tal-PBS.
Aktar fil-gazzetta il-mument
//= $special ?>