Il-persuna qrib ħafna ta’ James Piscopo, Chairman u Kap Eżekuttiv ta’ Transport Malta li għandu impjieg mal-kumpanija li topera s-servizz tat-trasport pubbliku mhu ħadd għajr missier James Piscopo nnifsu. Dan ġie żvelat mill-gazzetta il-mument.
Nhar il-Ħadd li għadda, il-mument żvelat li din il-persuna, qabel ma ħareġ bil-pensjoni kien impjegat mal-Arriva, iżda waqt li ħaddieħor kien jispiċċa bl-età tal-irtirar, dan il-pensjonant inżamm u ngħata xogħol mal-Autobuses de Leon, il-kumpanija Spanjola tat-trasport pubbliku f’Malta, li l-Gvern Laburista ffirma kuntratt magħha ta’ €430 miljun bi ftehim li qatt ma ġie ppubblikat.
Mistoqsijiet mibgħuta minn il-mument lill-Ministru Joe Mizzi, lil Transport Malta u lill-kumpanija li topera s-servizz tat-trasport pubbliku baqgħu ma ġewx imwieġba. La l-Ministru Joe Mizzi, la James Piscopo u lanqas il-kumpanija privata li topera s-servizz ma wieġbu jekk dan l-impjieg mogħti lill-missier is-CEO ta’ Transport Malta jikkostitwixxix f’konflitt ta’ interess.
Il-kumpanija privata li topera s-servizz tat-trasport pubbliku, u li magħha għandu l-impjieg missier James Piscopo, tiddependi finalment minn Transport Malta li tagħha Piscopo huwa Chairman u CEO, biex ikollha l-kuntratt tagħha mġedded u tingħata s-sussidju mill-Gvern.
Fuq kollox kien James Piscopo flimkien mal-Ministru tat-Trasport li marru Spanja jiltaqgħu mar-rappreżentanti ta’ din il-kumpanija u eventwalment kien James Piscopo li segwa mill-qrib in-negozjati biex intagħżlet din il-kumpanija.
Impjegati Laburisti li tkellmu ma’ il-mument qalu li dan il-post tax-xogħol messu ngħata lil xi ħadd li qed ifittex impjieg. Il-kumpanija li topera s-servizz tat-trasport pubbliku injorat għalkollox il-mistoqsija ta’ din il-gazzetta fejn talbet biex tingħata spjegazzjoni dwar kemm huwa kruċjali x-xogħol li qed jagħmel missier iċ-Chairman u l-Kap Eżekuttiv ta’ Transport Malta.
Il-gazzetta il-mument
Transport Malta tikkonferma li missier il-Kap Eżekuttiv hu impjegat mal-kumpanija tat-trasport pubbliku
F’dritt għar-risposta, Transport Malta qalet li l-istorja ppubblikata hija libelluża u malizzjuża, iżda kkonfermat li missier il-Kap Eżekuttiv huwa impjegat mal-kumpanija tat-trasport pubbliku.
Il-Mument għażlet li ma ġġibx ir-risposta li ngħatat minn Transport Malta, dritt mogħti mill-liġi iżda li l-Mument għażlet li tinjora qal kelliem għal Transport Malta li kompla li l-Mument għażlet ukoll li tinjora fatti fundamentali u minflok nisġet storja malizzjuża intiża biss biex tagħmel ħsara.
“L-istorja taħbi fatt importanti. Missier James Piscopo kien impjegat mal-Arriva sa mill-2011, jiġifieri fi żmien l-amministrazzjoni preċedenti u ħafna qabel ma ibnu sar ċermen tal-Awtorita’. L-Arriva kienet kumpanija privata dak iż-żmien u llum baqgħet kumpanija privata wara li saret Malta Public Transport f’idejn l-Autobuses de Leon. Kif l-Arriva kienet kumpanija privata hekk ukoll il-Malta Public Transport. Il-Mument donnu qed tinsinwa li missier James Piscopo kellu jitlaq minn xogħlu għax ibnu sar ċermen tal-Awtorita’. Inkella li James Piscopo ma kellux ikun ċermen tal-Awtorita’ għax missieru jaħdem fis-settur! Kif tista’ Awtorita’ timponi fuq kumpanija privata x’tagħmel bil-ħaddiema tagħha?”
“Il-Mument tipprova tpinġi l-istorja li missier James Piscopo ngħata impjieg għax ibnu ċ-ċermen ta’ Transport Malta meta fil-fatt ilu mpjegat minn ħafna qabel. Donnu l-Mument qed tinsinwa li għax is-sur Piscopo laħaq l-eta tal-irtirar kellu jitwaqqaf minn xogħolu, isir pensjonant u jingħata impjieg ġdid biex ikompli jaħdem!”
Saħansitra l-gazzetta tipprova titfa’ t-tajn billi tgħid li l-kuntratt mal-Autobuses de Leon qatt ma ġie ppublikat. Il-kuntratt ġie ppubblikat żmien ilu u l-istess gazzetta ħabbret dan f’numru t’ artikli, ittemm tgħid Transport Malta.
//= $special ?>