Tnieda l-ktieb Adelante, miktub minn Ivan Bartolo li hu wkoll il-Viċi Sindku tal-Mosta. Fil-ktieb jispikkaw l-istejjer umani li l-protagonisti tagħhom kienu kollha preżenti waqt it-tnedija tal-ktieb.
Fost dawn kien hemm Marì li l-unika xewqa li fadlilha f’ħajjitha hi li tiltaqa’ mal-Papa Franġisku. Fil-fatt fil-ġimgħat li ġejjin Marì u binha li għandu l-kundizzjoni tas-cerebral palsy se jkollhom udjenza mal-Papa Franġisku.
Is-serata kienet ippreżentata minn Graziella Attard Previ u siltiet mill-ktieb inqraw minn Joe Vella. Ħa sehem ukoll il-Coro bel Canto u ntwerew filmati dwar il-ktieb.
F’diskors li għamel Ivan Bartolo qal li l-messaġġ fil-ktieb Adelante hu wieħed fejn hu jħares lejn l-imgħoddi b’nostalġija imma jrid jgħaddi l-esperjenza ta’ diversi ħajjiet lill-ġenerazzjonijiet li ġejjin.
Hu spjega li l-kelma Adelante hi kelma Spanjola li tfisser ibqa’ miexi u t-13-il storja fil-ktieb huma stejjer li lill-awtur ħallewħ bla kliem u bikkewħ.
Imma l-aħbar it-tajba hi li dawn it-13-il persuna li ntervista l-awtur kienu missew il-qiegħ imma lkoll baqgħu għaddejjin b’ħajjithom u saru bnedmin tal-azzar. Il-ferħ u s-sabiħ sabuħ waqt li kienu telgħin il-muntanja.
Għal din iċ-ċerimonja attendew fost l-oħrajn il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil, l-Ispeaker tal-Kamra tar-Rappreżentanti Anġlu Farrugia, is-Sindku tal-Mosta Edwin Vassallo, il-Viċi Kap tal-PN Beppe Fenech Adami, d-Deputat Nazzjonalista David Agius u mkistiedna oħra.