Lokali

Aġġornata: Raġel imut wara li nqabad f’gabina li għoliet minn mat-trakk

Joseph Attard ta’ 63 sena mix-Xagħra Għawdex tilef ħajtu f’inċident li seħħ għall-ħabta tal-4.10pm fl-Għasri.

Il-każ seħħ fi Triq il-Fenek meta għal xi raġuni mhux magħrufa għoliet il-gabina ta’ trakk li qed isuq ir-raġel. Kawża ta’ dan, il-gabina tal-vann, tat-tip Ford Cargo, spiċċat fil-ħajt.

Fil-post issejħu l-Pulizija u tim mediku mill-Isptar Mater Dei. Issejħu wkoll membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, li għenu biex ir-raġel seta’ jinħareġ mill-gabina.

Madankollu, l-intervent tagħhom safa fix-xejn, hekk kif sfortunatament, ir-raġel kien iċċertifikat mejjet fil-post.

Bil-każ ġie nfurmat il-Maġistrat tal-għassa Paul Coppini, li ħatar diversi esperti biex jassistuh fl-Inkjesta.

L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.