Futbol Sport

UFFIĊJALI: Bjorn Vassallo jaċċetta l-offerta tal-FIFA u jirriżenja mill-MFA

Wara li lbieraħ filgħaxija fuq il-programm sportiv ta’ Net Television Replay ġie żvelat li uffiċjali għolja fl-amministrazzjoni tal-Malta Football Association ġew offruti pożizzjonijiet importanti fil-UEFA u fil-FIFA, issa ħarġet l-uffiċjalità li Bjorn Vassallo rriżenja minn Segretarju Ġenerali tal-MFA biex ikompli l-avventura tiegħu fil-futbol mal-FIFA, wara li kien offrut kariga mill-President tal-FIFA Gianni Infantino.

Għal raġuni ta’ etika, Replay għażel li ma jsemmi l-ebda isem, iżda sezzjoni oħra tal-media lokali ħarġet l-isem ta’ Bjorn Vassallo kif ukoll ta’ wieħed mill-Viċi Presidenti tal-MFA Chris Bonett.

Illum fl-10.00 saret laqgħa tal-bureau tal-MFA li fiha Vassallo ppreżenta r-riżenja tiegħu minn Segretarju tal-assoċjazzjoni biex jokkupa l-kariga ta’ Direttur għall-Assoċjazzjonijiet Membri tal-Ewropa.

Fil-każ tal-Avukat Chris Bonett, Replay hu infurmat li hu ġie offrut kariga għolja fil-UEFA fir-rwol ta’ integrity officer tal-federazzjoni iżda għadu mhux magħruf jekk dan huwiex se jaċċetta jew le għalkemm rapporti f’sezzjonijiet oħra tal-media qed jgħidu li Bonett mhux mistenni jaċċetta din il-kariga.

Bjorn Vassallo, li daħal jaħdem mal-MFA fis-sena 2010, l-ewwel fl-irwol ta’ Kap Eżekuttiv u wara bħala Segretarju Ġenerali. Vassallo kien parti integrali mir-riformi li għaddiet minnu l-MFA matul l-aħħar snin u quddiemu għandu sfida akbar fi ħdan l-akbar organizazzjoni tal-futbol fid-dinja, il-FIFA.

Fi stqarrija, l-Malta Football Association awgurat kull suċċess lil Bjorn Vassallo fl-impenji l-ġodda tiegħu u rringrazzjatu tal-ħidma kbira li għamel fl-aħħar 21 sena fil-futbol lokali minn meta serva fi klabb membru u wara fl-amministrazzjoni tal-MFA.