Lokali

Editorjal: Illejla: viżjoni f’kuntrast man-nuqqas tagħha

Illejla fil-Parlament, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Simon Busuttil, jagħti l-viżjoni sostanzjali u alternattiva għal dik tal-Gvern wara l-baġit kożmetiku, kif issejjaħ, il-baġit tal-make-up. Inkella, aħjar: Simon Busuttil joffri viżjoni ekonomika reali u li tħares ‘il quddiem f’kuntrast kbir ma’ Gvern bla ebda viżjoni.

Gvern bla ebda viżjoni li ma ġabx industrija waħda ġdida
Għax Gvern li wiret tant industriji ġodda – is-servizzi finanzjarji, il-gaming, l-informatika, il-farmaċewtika, is-servizzi marittimi, l-avjazzjoni; Gvern li wiret tant infrastruttura ġdida f’toroq u proġetti kbar li saru fis-snin ta’ qabel; Gvern li wiret tant proġetti bil-200 miljun ewro fis-sena mill-Ewropa li hu ma ridhomx; Gvern imma li ma ġab lanqas industrija waħda ġdida hu li kapaċi tħaddem il-Maltin u tħallashom pagi tajbin.

Il-commissions għall-Panama u mijiet ta’ positions of trust
Għax ma tistax issejħilhom industriji ta’ fejda għall-Maltin il-kontijiet sigrieti fil-Panama biex jimtlew minn Kastilja bil-miljuni mill-commissions, kif qalu sħab il-Prim Ministru stess fl-emails lil Mossack Fonseca, u l-positions of trust għal mijiet ta’ nies tal-qalba jaħtfu miljuni kbar bejniethom.

Għafsa fuq il-pagi u fuq il-pensjonijiet
Simon Busuttil illejla jagħti wkoll il-veduti ta’ min hu ġenwin fuq dak li qed jinkwieta lin-nies u fuq il-fatti li Joseph Muscat ma jistax jibqa’ jaħrab minnhom wara tliet snin u nofs fil-Gvern. Dawn kienu tliet snin u nofs ta’ għafsa fuq il-pagi u fuq il-pensjonijiet li mhumiex qed ilaħħqu mal-għoli tal-ħajja kkawżat mill-Gvern stess.

‘Kriżi u pjaga nazzjonali’ tat-traffiku – Jason Micallef
Dawn kienu tliet snin u nofs ta’ paroli ripetut f’kull baġit fuq it-traffiku li skont Jason Micallef illum laħaq il-proporzjon ta’ ‘kriżi u pjaga nazzjonali’. Dawn kienu tliet snin u nofs li fihom rajna tkażbir enormi tal-ambjent u li qed ikollu effett fuq il-kwalità tal-ħajja ta’ kulħadd.

Korruzzjoni li tmiss direttament lill-Prim Ministru f’Kastilja
U dawn kienu tliet snin u nofs ta’ korruzzjoni li llum hi l-marka kbira mhux biss ta’ Ministeri kulħadd jaħtaf il-miljuni imma l-marka ta’ Kastilja stess mifnija bil-korruzzjoni ta’ ħafna skandli; korruzzjoni li tmiss direttament lil Joseph Muscat.

Illejla nisimgħu kif jista’ jkollna pajjiż li fih jirnexxi kulħadd.

https://youtube.com/watch?v=8t5PUIkXZ58%3Frel%3D0