Internazzjonali

Franza: Jiżgumbraw il-kamp għall-immigranti magħruf bħala ‘il-Ġungla’

’Il fuq minn 1,200 pulizija u uffiċjali bdew l-azzjoni kkoordinata biex jiżgumbraw kamp ewlieni għall-immigranti fl-inħawi ta’ Calais. Dan il-kamp, magħruf bħala ‘il-Ġungla’, kien ilu għal dawn l-aħħar xhur iservi bħala r-residenza għal talanqas 7,000 immigrant li kienu qegħdin jgħixu taħt l-agħar kundizzjonijiet immaġinabbli.

Intant il-pjan tal-awtoritajiet jesiġi biex il-kamp jitwaqqa’ kompletament proprju għada meta mijiet ta’ immigranti kienu qed jistennew fl-inħawi tal-kamp biex ikunu pproċessati. Dan filwaqt li telqu numru ta’ kowċis mgħobbijin bl-immigranti li kellhom jitwasslu lejn diversi ċentri għar-refuġjati madwar Franza, bil-vjaġġi jkomplu għaddejjin tul il-ġurnata.

Filwaqt li ma kenux irrappurtati inċidenti ta’ inkwiet partikulari fl-inħawi ta’ Calais, kien hemm, xorta waħda, it-tħassib li xi immigranti jirrifjutaw it-trasferiment minħabba l-ambizzjonijiet tagħhom biex jaqsmu ‘akkost ta’ kollox’ minn Calais lejn l-Ingilterra. Lanqas ma kienet eskluża ‘ripetizzjoni potenzjali’ tal-inċidenti li kienu nqalgħu fi tmiem il-ġimgħa bejn il-Pulizija u l-immigranti fl-inħawi.

L-immigranti li jgħaddu mill-ipproċessar stabbilit qed jitilqu lejn diversi bnadi ta’ Franza fejn jingħataw l-opportunità biex jitolbu kenn politiku. Jekk l-immigranti ma jagħmlux dan, huma jistgħu jiffaċċjaw id-deportazzjoni aktar ’il quddiem.