Internazzjonali

Ir-Repubblikani jammettu għad-distakk iżda ‘mhumiex se jaqtgħu qalbhom’

 

L-attivisti li qed imexxu l-kampanja ta’ Donald Trump biex ikun elett President tal-Istati Uniti ammettew li l-kandidat Repubblikan irid jegħleb id-distakk li żviluppa bejnu u l-kandidat tal-Partit Demokratiku Hillary Clinton. Dan meta fadal biss ġimagħtejn sakemm il-poplu Amerikan jivvota għal Mexxej ġdid.

Kellyanne Conway, li qed tieħu ħsieb il-kampanja ta’ Trump, qalet li l-kandidat tagħha jinsab wara Clinton skont l-istħarriġ popolari u ammettiet li l-kandidat tal-Partit Demokratiku, bħalissa, qed tgawdi ‘numru ta’ vantaġġi.’

Conway, madankollu, sostniet li hi u l-kollegi li qed jippromwovu lil Trump bħala President potenzjali mhumiex qed jaqtgħu qalbhom u ‘jafu li l-kandidat Repubblikan jista’ jirbaħ’.

Donald Trump, ftit tal-jiem ilu, kien ħareġ bl-ammissjoni rari li jista’ jitlef l-elezzjoni għall-Presidenza, bl-aħħar stħarriġ jissuġġerixxi li Hillary Clinton għadha b’vantaġġ ‘ftit jew wisq sostanzjali’ fuq Trump, kemm fuq livell nazzjonali kif ukoll f’numru ta’ Stati Amerikani li għandhom ikunu deċiżivi fl-elezzjoni tat-8 ta’ Novembru.

Sadattant, in-nies li qed imexxu l-kampanja ta’ Clinton qalu li ‘aktar Amerikani se joħorġu jivvutaw minn qatt qabel ( fl-elezzjoni li jmiss) u li ‘din se tkun l-akbar elezzjoni fl-istorja tal-Istati Uniti’.

L-aħħar rapporti qalu wkoll li l-istħarriġ li qed isir f’Utah u Arizona – sa ftit ilu magħrufin bħala fortizzi tradizzjonali tal-Partit Repubblikan – jissuġġerixxi li ż-żewġ Stati jistgħu jingħaqdu wara l-kandidat Demokratiku għall-Presidenza, għall-ewwel darba f’għexieren ta’ snin.