Pasiġġieri li matul il-ġurnata kellhom it-titjiriet tagħhom minn u lejn Malta posposti, jew saħansitra kanċellati għall-ġurnata minħabba li dalgħodu ġġarraf ajruplan f’pajjiżna, igawdu minn numru ta’ drittijiet li l-linji tal-ajru rispettivi huma obbligati li jirrispettaw.
Fi stqarrija, l-Awtorità Maltija tal-Kompetizzjoni u l-Affarijiet tal-Konsumatur (MCCAA) fakkret li legalment dawn il-passiġġieri għandhom dritt għal ikel kif ukoll xorb waqt il-ħin ta’ stennija tagħhom.
Barra minn dan, il-passiġġieri għandhom ukoll jedd għal żewġ telefonati, messaġġi bil-fax jew inkella emails mingħajr ħlas.
F’każi fejn it-titjiriet kienu posposti għal iktar minn ħames sigħat, jew inkella kkanċellati, allura l-passiġġieri huma wkoll intitolati li jagħżlu li jikkanċellaw it-titjira u jieħdu flushom kollha lura, inkella li jibbukkjaw it-titjira għal darb’oħra skont jekk ikunx fadal post.
Passiġġieri abbord titjiriet li jkunu posposti għall-għada għandhom dritt li jingħataw akkomodazzjoni f’lukanda u wkoll provduti bi trasport għall-akkomodazzjoni.
Dawk il-passiġġieri li ma ngħatawx dan għandhom jitolbu d-drittijiet tagħhom lil-linja tal-ajru rispettiva tagħhom, inkella jikkuntattjaw lill-MCCAA fuq 2395 2000, jew airpassengerrights.mccaa@mccaa.org.mt.
//= $special ?>

