Il-Partit Litwan tal-Bdiewa li jinkorpora l-Unjoni tal-Ħodor (l-LPGU) u li darba kien irrappreżentat b’deputat parlamentari wieħed biss, kiseb rebħa sorprendenti fl-elezzjonijiet tal-Litwanja.
Meta laħqu daħlu kważi r-riżultati kollha mit-tieni round tal-elezzjoni, sar magħruf li dan il-partit agrarju taċ-ċentru kien rebaħ kważi 40 fil-mija tas-siġġijiet fil-Parlament.
Issa, l-LPGU se jipprova jifforma Gvern ta’ koalizzjoni f’Vilnius fejn mistenni jidħol fi sħubija jew mal-Unjoni ‘ta’ Art Twelidna’, fl-Oppożizzjoni, inkella mas-Soċjal-Demokratiċi taċ-ċentru-xellug.
Il-kampanja elettorali kienet iddominata b’issues bħal salarji baxxi u sistemi li jistgħu jikkontrollaw l-eżodu ta’ ħaddiema Litwani lejn bnadi oħra tal-Unjoni Ewropea.
Qed jingħad li l-popolazzjoni tal-Litwanja naqset għal 2.9 miljun minn 3.3 miljun, daqs għaxar snin ilu – b’madwar 370,000 Litwan isibu residenza ġdida fl-Unjoni Ewropea (fil-parti kbira tagħhom fir-Renju Unit) mindu l-Litwanja ssieħbet fl-UE, fl-2004.
L-aħħar rapporti mill-Kummissjoni Elettorali tal-Litwanja kienu li l-LPGU rebaħ 54 siġġu fil-Parlament ta’ Vilnius b’141 deputat. L-Unjoni ‘ta’ Art Twelidna’ kisbet 31 siġġu u s-Soċjal-Demokratiċi – li kienu l-akbar partit fl-amministrazzjoni preċedenti – rebħu 17-il siġġu. Dan meta numru ta’ partiti żgħar ukoll rebħu s-siġġijiet fl-Assemblea Litwana.
//= $special ?>