Lokali

AĠĠORNATA BIL-FILMAT: Yana Mintoff Bland u binha feruti b’sikkina fid-dar f’Ħal Tarxien

Rumen ta’ 39 sena, is-sieħeb ta’ Yana Mintoff Bland, safa arrestat lill-Pulizija wara operazzjoni delikata li damet madwar siegħa fir-residenza ta’ bint l-eks Prim Ministru Dom Mintoff f’Ħal Tarxien.

Jirriżulta li r-Rumen kien qed jistaħba f’siġra wara li allegatament ħebb u fera ħafif lil Yana, ta’ 65 sena, u lil binha ta’ 32 sena. Allegatament, l-attakk seħħ permezz ta’ arma li taqta’ u bil-ponta.

Minn informazzjoni li kiseb NETnews.com.mt jirriżulta li sakemm Mintoff Bland u binha marru fiċ-Ċentru tas-Saħħa biex jingħataw l-ewwel kura, allegatament ir-Rumen ipprova jagħti n-nar lir-residenza, magħrufa bħala “Joanne Gardens”.

Fil-fatt, malli waslu fil-post, il-Pulizija sabu n-nirien f’parti mir-residenza. Huma talbu l-għajnuna ta’ membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili, filwaqt li bdew tfittxija għar-Rumen wara r-rapport ta’ Mintoff Bland u binha.

Is-sieħeb ta’ bint l-eks Prim Ministru nstab mistoħbi f’siġra, minn fejn tniżżel wara operazzjoni delikata li ħadet madwar siegħa. Ġie nnutat kif anek r-Rumen kien ferut u kellu xi dmija. Fil-fatt, aktar tard hu ġie ċċertifikat li qed isofri minn feriti gravi. Mintoff Bland u binha kienu ċċertifikati li qed isofru minn feriti ħfief.

Bil-każ ġiet infurmata l-Maġistrat tal-għassa Marseanne Farrugia, li ħatret diversi esperti biex jassistuha fl-Inkjesta. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.

img_1642

img_1646