L-għafsa fuq il-pagi – u allura anke fuq il-pensjonijiet – hi wieħed mir-riżultati ewlenin ta’ dawn l-aħħar tliet snin u nofs. Dan hu kkonfermat f’diversi ċifri ppubblikati kemm mill-Gvern u anke mill-Eurostat. Issa, din id-daqqa ‘l isfel lill-pagi ġiet ikkonfermata mill-Gvern stess fil-baġit, fl-Economic Survey li ħareġ mal-baġit.
Studju fuq il-collective agreements
Fl-Economic Survey, il-Gvern ippubblika studju li għamel fuq il-collective agreements depożitati miegħu stess mill-unions u mill-impjegaturi. Dan l-istudju qies il-pagi skont il-ftehimiet kollettivi f’190 kumpanija li jħaddmu 28,000 ħaddiem: kampjun kbir li juri x-xejra tal-pagi f’Malta negozjati mill-unions u l-impjegaturi.
Iż-żidiet veri fil-pagi fis-sena sa Awwissu li għadda
Fl-Economic Survey, f’paġna 106, il-Gvern jagħti t-tabella li turi kemm żdiedu l-pagi ta’ ħafna kategoriji ta’ ħaddiema fis-sena minn Awwissu tas-sena l-oħra sa Awwissu li għadda. Fl-istudju, maż-żieda tal-collective agreements, il-Gvern żied ukoll il-€1.75 li kien ta s-sena l-oħra, biex iġib il-pagi veri bejn Awwissu 2015 u Awwissu 2016.
L-għoli tal-ħajja skont il-Gvern stess
Il-Gvern, fl-istatistika separata tiegħu dwar l-għoli tal-ħajja, jgħid li f’dik is-sena, bejn Awwissu ta’ qabel u Awwissu li għadda, l-għoli tal-ħajja kien 0.82%. U allura l-mistoqsija hi: il-pagi tal-ħaddiema kif joħorġu minn dan il-kampjun kbir ta’ ftehimiet kollettivi laħħqu mqar mal-għoli tal-ħajja kif jgħid li hu l-Gvern?
Il-pagi mhumiex ilaħħqu mal-għoli tal-ħajja
Ir-riżultat hu ‘Le’. Fil-biċċa l-kbira tas-setturi – kważi kollha – li għandna fl-ekonomija tagħna, iż-żieda fil-pagi hi anqas miż-0.82% għoli tal-ħajja li jgħid li hawn il-Gvern. Il-pagi mhumiex ilaħħqu mal-għoli tal-ħajja.
Il-pagi bla ftehim kollettiv saħansitra agħar
Wieħed irid iqis żewġ affarijiet oħra. Dawn li studja l-Gvern huma pagi regolati bi ftehim kollettiv, jiġifieri li żgur żdiedu b’aktar miż-żieda li jagħti hu. Imma l-pagi fejn m’hemmx ftehim kollettiv ma jidhrux f’dan l-istudju u dawk jiżdiedu biss biż-żieda minima tal-Gvern u allura żgur marru saħansitra agħar.
Il-Caritas sabet għoli tal-ħajja ferm aktar minn dak li jgħid il-Gvern
U, ħaġa oħra, il-pagi marru lura mqar biċ-ċifra tal-Gvern dwar l-għoli tal-ħajja. Imma l-Caritas, fl-istudju xjentifiku tagħha dwar il-faqar, sabet li għoli tal-ħajja hu ferm aktar minn dak li jgħid il-Gvern. Imma anke bir-rata tal-għoli tal-ħajja skont il-Gvern, il-pagi tal-ħaddiema koperti bi ftehim kollettiv f’dan l-istudju tal-Gvern stess naqsu b’mod reali, għax ma żdidux għallinqas daqs l-għoli tal-ħajja.
Tnaqqis reali fil-firxa l-aktar wiesgħa tal-pagi
Dan hu r-riżultat tal-istudju li għamel u ppubblika l-Gvern innifsu fuq il-pagi tal-ħaddiema mill-collective agreements depożitati miegħu stess: tnaqqis reali fil-firxa l-aktar wiesgħa tal-pagi f’Malta.
https://youtube.com/watch?v=YnNc-uIWdCA%3Frel%3D0
//= $special ?>