Carmelo u Indri huma pensjonanti ta’ 70 u 67 sens rispettivment, Ta’ kuljum jingħaqdu ma’ ħames jew sitt irġiel oħra u jqattgħu l-ħin jitkellmu dwar l-ajruplani.
Ta’ kuljum huma jiltaqgħu Ħal Luqa, eżattament fil-post fejn ilbieraħ iġġarraf l-ajruplan ‘Metroline’. Imma llum, ma setgħux jiltaqgħu fl-istess post, peress li t-triq tinsab magħluqa u taħt għassa tal-Pulizija lejl u nhar minħabba t-tiġrif.
Ftit metri bogħod mix-xena tal-inċident, u wara l-barikati tal-Pulizija, Carmelo u Indri kienu qed jitkellmu magħna dwar dak li seħħ kmieni t-Tnejn filgħodu: inċident fatali li ħalla ħames vittmi.
“Dak il-ħin, x’ħin waqa’ l-ajruplan, ikun hawn ħafna nies jimxu, kif ukoll karozzi għaddejjin. Imma l-Bambin ried li ma ntlaqat ħadd” qalilna Indri.
Carmelo qalilna dwar ir-rutina tal-grupp ta’ ħbieb, “is-soltu niġu passejn hawnekk u nintefgħu fuq dik il-mejda t’hemmel” qalilna, waqt li pponta lejn bank li hemm mhux aktar minn erba’ metri bogħod mit-tiġrif. “Ġieli nkunu fuq dak iċ-ċint li hemm fejn is-siġra l-għolja,” żied jgħidilna Carmelo.
Filwaqt li l-investigazzjonijiet uffiċjali għadhom għaddejjin biex ikun stabbilit x’ġara, staqsejna lill-irġiel kif iħossuhom li ma kinux fil-post tas-soltu meta waqa’ l-ajruplan.
“Alla fejn iridek isibek. Tista’ ma toħroġx mill-bieb ‘il barra, u jekk toqgħod ġewwa, tista’ taqa’ d-dar fuqek” temm jgħid Carmelo.
//= $special ?>