Jekk l-awtoritajiet internazzjonali tal-avjazzjoni jissuspettaw li l-ajruplan seta’ twaqqa’ b’xi splużjoni esterna, jew inkella li kien hemm sabutaġġ, jista’ jkun hemm talba biex issir rikostruzzjoni tal-ajruplan.
Qal dan f’kummenti ma’ NETnews l-espert forensiku Anthony Abela Medici, wara l-inċident traġiku li ħalla ħames persuni mejta meta ġġarraf ajruplan fl-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta.
Ma’ NETnews, Abela Medici spjega li l-inkjesta Maġisterjali li qed issir tissupera kull inkjesta oħra, peress li l-inċident seħħ fuq territorju Malti. Madanakollu, il-Maġistrat li qed imexxi l-inkjesta jista’ jirrilaxxa l-fdalijiet tal-ajruplan jekk l-awtoritajiet internazzjonali tal-avjazzjoni jkunu jridu jinvestigaw il-każ huma.
Abela Medici spjega li jekk jirriżulta li kien hemm xi sabutaġġ, bilfors tkun trid issir rikostruzzjoni. Mistoqsi jekk l-inkjesta Maġisterjali lokali tistax tordna li ssir rikostruzzjoni tal-ajruplan, Abela Medici qajjem dubju dwar kemm f’Malta hawn esperti tal-avjazzjoni li jistgħu jagħmlu dan ix-xogħol, sakemm ma jitqabbdux esperti fit-tiswija tal-ajruplani minn kumpaniji tal-avjazzjoni.
“Madanakollu meta tkun qed terġa’ tibni ajruplan mill-fdalijiet tiegħu stess, m’hijiex sempliċiment xi ħaġa ta’ inġinerija għax wieħed ikollu jeżamina ‘parts’ li huma mksirin u maħruqin”. Żied jgħid li wieħed irid ikollu “mhux biss esperjenza fil-metodoloġija tal-inġinerija tal-ajruplan, imma anke fil-mod ta’ kif tinvestiga ajruplan imfarrak b’dan il-mod”.
Imma dan il-proċess jieħu ż-żmien. Filfatt, l-ajruplan tal-linja tal-ajru tal-Malasja fit-titjira MH17 li kien waqa’ fl-Ukrajna, kien ħa madwar sentejn biex ġie rikostiwit. Apparti minn hekk, l-inkjesta Maġisterjali trid tasal għall-konklużjoni li dan l-eżerċizzju ikun neċessarju fiċ-ċirkustanzi.
//= $special ?>


