Il-mewt ta’ Ġużeppi Attard, anzjan ta’ 63 sena li tilef ħajtu lbieraħ f’inċident stramb fl-Għasri, ħasdet lil ħafna u kienu għexieren li xxukkjati b’dak li ġara sellmulu u waqfu mal-familja f’dan il-mument diffiċli.
Sfortunatament, fl-inċident li seħħ fi Triq il-Fenek għall-ħabta tal-16:00, il-kabina tat-trakk ta’ Ġużeppi għal xi raġuni għoliet bil-konsegwenza li spiċċat f’ħajt. Għal Ġużepi ma kienx hemm tama, hekk kif sfortunatament sofra ġrieħi serji wara li nqabad fil-kabina. Hu ġie ċċertifikat mejjet fil-post.
Dan kien it-tieni inċident li sofra Ġużeppi fl-aħħar snin, wara li fil-passat kien tilef parti minn idu l-leminija, ukoll fuq il-post tax-xogħol tiegħu.
Attard, magħruf aħjar bħala Ġużepp ta’ Muħa, kien deskritt minn dawk qrib tiegħu bħala persuna twajba li kien jgħin lil ħafna u jkellem lil kulħadd. Fil-fatt kienu anke għaqdiet Għawdxin, kemm tal-festa kif ukoll oħrajn, li rringrazzjaw lil Peppi għal dak kollu li għamel magħhom matul ħajtu, u l-għajnuna li dejjem sabu mingħandu.
Dwar il-każ infetħet inkjesta li qed titmexxa mill-Maġistrat Paul Coppini.
//= $special ?>

