Lokali

“L-Awtorita’ tax-Xandir m’għandha qatt tassumi r-rwol li tara min għandu raġun bejn żewġ opinjonijiet”

L-Awtorita’ tax-Xandir m’għandha qatt tassumi r-rwol li tara min għandu raġun bejn żewġ opinjonijiet, imma trid tara li ż-żewġ opinjonijiet jitwasslu lill-pubbliku b’mod ugwali.

L-Avukat Francis Zammit Dimech li kien qed jirrappreżenta lill-Partit Nazzjonalista, qal dan waqt li nstema l-każ quddiem il-Bord tal-Awtorità tax-Xandir dwar l-ispots dwar il-power station il-gdida li xxandru fuq il-PBS.

Il-PN ressaq protest quddiem l-Awtorità tax-Xandir dwar dawn l-ispots minħabba n-natura ta’ kontroversja politika u talab rimedju ugwali.

Francis Zammit Dimech qal li dan hu kaz klassiku ta’ riklam politiku. Wara li elenka partijiet mir-riklam, qal li l-uzu tal-heavy fuel oil jispicca mhux bil-power station il-ġdida, imma għax il-power station tal-BWSC tista’ tinqaleb għal gass u llum pajjizna qed jieħu 75 fil-mija tal-energija mill-Interconnector.

Hu qal ukoll li l-emmissjonijiet fl-arja diġa’ naqsu minħabba l-istess żewġ proġetti filwaqt li l-kontijiet tad-dawl għandhom jorħsu għax Malta qed tixtri l-enerġija mill-Interconnector bil-prezz ta’ bejn tlieta u sitt ċenteżmi kull unit filwaqt li qed tiffranka miljun ewro fil-ġimgħa fi fuel bil-power station tal-BWSC. Fakkar li l-prezz internazzjonali taz-zejt illum hu terz ta’ dak li kien tliet snin ilu.
Francis Zammit Dimech qal li bl-Interconnector u bil-power station tal-BWSC s-sena li għaddiet Malta iffrankat 50 miljun ewro u din is-sena se tiffranka 80 miljun ewro. Imma bil-power station il-gdida tal-gass, il-poplu Malti jkollu jonfoq 100 miljun ewro fis-sena aktar.

Min-naha tiegħu l-Avukat Mark Vassallo f’isem il-PBS qal li l-ispot hu wieħed informattiv u għalhekk m’hemmx kontroversja politika għax skont il-Gvern hu espożizzjoni tal-fatti, anke jekk l-Oppożizzjoni ma taqbilx ma dan.