Rugby Sport

It-tim kollu jinsab eċċitat imma kulħadd hu lest biex jagħti prestazzjoni mill-aqwa – Steve Busuttil

Żmien eċċitanti għar-Rugby lokali hekk kif wara li s-Sibt li għadda, it-tim nazzjonali tal-Irġiel kiseb l-akbar rebħa f’16-il sena meta għeleb lit-tim nazzjonali tal-Andorra 63-15 fir-Rugby Europe Championship Conference 1 South.

Dan is-sit ħa l-kummenti tal-President il-ġdid tal-MRFU Steve Busuttil fejn qal li hu kuntent ħafna bir-rebħa li t-tim Malti kiseb fl-aħħar logħba speċjalment għal fatt li hu rekord ukoll. Hu qal li t-tim qed jissaħħaħ fejn fosthom fil-logħba lagħab kull plejer li tela’ mat-tim.

Busuttil ikkumenta wkoll fuq il-fatt li lbieraħ ħarġet l-aħbar li t-tim nazzjonali tela’ ħames postijiet fir-rankings u issa jinsab fl-44 post fid-dinja fejn bla tlaqliq qal li l-għan hu li jerġgħu jitilgħu fit-38 post li hu l-ogħla post li qatt kienu.

Il-President tal-MRFU qal li mhemm l-ebda vantaġġ ekonomiku, iżda jfisser li l-istandard tat-tim dejjem qed jitjieb u qed jinbena tim ta’ kwalità.

Steve Busuttil nħatar bħala President tal-MRFU fit-12 ta’ Settembru li għadda wara li fil-Laqgħa Ġenerali Annwali tal-assoċjazzjoni, għeleb lil Brian Dalton. Hu ddeskriva l-ewwel ġimgħat tal-Presidenza bħala “mimlija ġenn” għal fatt li hemm ħafna xogħol xi jsir kif ukoll ħafna affarijiet f’daqqa bil-bidu tal-kampjonat u l-logħob tat-tim nazzjonali.

“Grazzi għas-sapport ta’ Joseph Borda, Steve Ganado u Audrey Vella ħdimna tajjeb u l-importanti li ma naqgħux lura. Il-mentalità ġiet aċċettata, u kien hemm inkoraġġament wara li tkellimt mat-timijiet u l-plejers. Qed inħares li jkun hemm aktar perspettiva professjonali. Ma jfissirx li se jkun hemm nies impjegati, iżda li jekk issir xi ħaġa ssir tajba.”

L-impenn li jmiss għat-tim nazzjonali hu nhar is-Sibt li ġej fis-2.00pm fil-Hibernians Stadium kontra Ċipru. Busuttil qal li wara r-rebħa tal-Andorra, l-aspettattiva hi se jkun hemm wirja tajba.

Il-President kompla jgħid li ġieli toħroġlok logħba differenti kemm tajba kif ukoll ħażina, iżda tenna li huma eċċitati u jinsabu lesti biex jagħtu prestazzjoni mill-aqwa.

Steve Busuttil għalaq b’appell lejn il-pubbliku sportiv fejn qal li jiddependu ħafna mis-sapport tan-nies kif ukoll mill-aspett finanzjarju. Hu qal ukoll li l-grawnd ta’ Kordin għandu xi ħaġa speċjali għaliex joħloq emozzjoni partikolari minħabba li għandu t-tinda fejn tenna li biex wieħed ikun hemm partiti bit-tinda jrid jasal sal-ewwel diviżjoni tal-kampjonat fl-Ingilterra.