Budget 2017 Lokali

Il-familji u n-negozji Maltin u Għawdxin se jħallsu aktar bil-miżuri tal-Budget – il-PN

Bħall-Kamra tal-Kummerċ u l-GRTU, il-Partit Nazzjonalista jemmen li t-taxxa l-ġdida tas-sisa fuq diversi prodotti ta’ kuljum se jwasslu biex l-ispejjeż ta’ kuljum se jiżdiedu u mhux jonqsu. Dawn il-miżuri huma ‘anti-business’ u se jħallu impatt negattiv fuq il-kompetittività ta’ pajjiżna.

Dan qalu l-Partit Nazzjonalista fi stqarrija, fejn appella biex l-istqarrijiet b’saħħithom tal-Kamra tal-Kummerċ, l-Intrapriża u l-Industrija, kif ukoll tal-GRTU għandhom jittieħdu b’serjetà kbira. Dawn jindikaw li l-mod kif iddaħħlet it-taxxa tas-sisa fuq dawn il-prodotti ma kienx wieħed regolari, iżda sar mingħajr konsultazzjoni ta’ xejn.

Il-Partit Nazzjonalista qal li l-Gvern qed juża’ l-istess attitudni ta’ ebusija ta’ ras anke fil-kontijiet tad-dawl u l-ilma, fejn quddiem l-insistenza tal-imsieħba soċjali u tal-Oppożizzjoni, il-Gvern ta’ Muscat qed jibqa’ jwebbes rasu u jsib kull skuża biex ma jraħħasx il-kontijiet tad-dawl u l-ilma.

Il-verità hi li l-Power Station ta’ Muscat, minflok se traħħas il-kontijiet tad-dawl u l-ilma, se tkun qed iżżomm dawn il-kontijiet ogħla. Kif żvela l-ġurnal The Times fil-ħarġa tat-Tnejn li għadda, biex juża’ din il-Power Station “monument tal-korruzzjoni”, Muscat mhux se juża’ l-interconnector, minkejja li minnu l-elettriku jiswa ferm anqas.

L-istqarrija tagħmel referenza wkoll għal dak żvelat minn The Malta Independent on Sunday, li bil-Power Station ta’ Muscat, kull sena l-poplu Malti u Għawdxi se jkun qed iħallas 180 miljun ewro fis-sena lill-Power Station ta’ Muscat, meta l-interconnector jista’ jagħti l-istess ammont ta’ elettriku b’95 miljun ewro anqas.

Il-Partit Nazzjonalista qal li Muscat jinsab iżolat iżid l-ispejjeż għan-negozji ta’ pajjiżna, tant li bil-miżuri li qed jieħu, qed jieħu l-flus f’taxxi ġodda u kontijiet għoljin minflok ma jħalli l-flus fil-but.