Il-Qorti tal-Appell Kriminali ikkonfermat is-sentenza tal-Qorti tal-Maġistrati li kienet illiberat tliet kuntratturi mill-akkużi li kienu qed jarmu skart tal-bini.
Anthony Bezzina, Salvu Ellul u Charles Polidano diretturi ta’ Bezzina Maritime Services Ltd, Elbros Ltd u Polidano Brothers Ltd rispettivament, kienu tressqu quddiem il-Qorti tal-Maġistrati separatament akkużati li fis-17 ta’ Awwissu 2006 u fil-jiem ta’ qabel, irmew skart tal-iskavar fuq xogħolijiet li kienu qed isiru fil-Freeport u dan kontra l-permessi maħruġa mill-Awtorita’ tal-Ambjent u l-Ippjanar u l-Awtorita’ Marittima. Huma kien liberati mill-akkużi kontrihom fl-2013.
L-Avukat Ġenerali appella minn din is-sentenza u bbaża l-eċċezzjonijiet fuq apprezzament żbaljat u mhux raġjonevoli tal-Ewwel Qorti.
Fis-sentenza tagħha f’dawn it-tliet każi il-Qorti tal-Appell Kriminali, ippreseduta mill-Imħallef David Scicluna, ikkunsidrat ukoll l-iżviluppi mis-sentenza Borg v Malta tal-Qorti Ewropea tad-Drittijiet tal-Bniedem li kienet tittratta l-valur ta’ prova ta’ stqarrijiet meħuda mill-pulizija mingħajr assistenza legali. Il-Qorti tal-Appell qalet li fid-dawl ta’ dan, l-istqarrijiet li kienu għamlu l-appellati kellhom jiġu skartat.
Il-Qorti kkunsidrat ukoll il-fatt li l-permessi maħruġa mill-awtoritajiet marittimi u tal-ippjanar kien biex isir rimi ta’ skart iġġenerat minn dredging – u mhux skart minn skavar – permezz ta’ braken f’zona mmarkata apposta fil-baħar ‘il barra mill-Belt Valletta.
Il-Qorti tal-Appell qablet mal-Ewwel Qorti li ma kienx hemm provi biżżejjed li l-appellati rmew skart tal-kostruzzjoni u mhux dredged material filwaqt li kien ippruvat li l-appellati kienu qed jarmu fiz-zona indikata fil-permessi.
Għal dawn ir-raġunijiet, il-Qorti tal-Appell Kriminali ċaħdet it-talbiet tal-Avukat Ġenerali u kkonfermat is-sentenza ta’ mhux ħatja fil-konfront ta’ Bezzina, Ellul u Polidano.
Anthony Bezzina kien assistit mill-Avukat Jason Azzopardi filwaqt li l-Avukati Beppe Fenech Adami u Michael Sciriha dehru għal Salvu Ellul u Charles Polidano rispettivament.
//= $special ?>