Lokali

L-Editorjal: Simon Busuttil: serju u ġenwin

L-aġġettivi li jistgħu jiddeskrivu d-diskors tal-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Simon Busuttil, nhar it-Tnejn fil-Parlament dwar il-baġit huma ħafna, u tnejn li żgur huma xerqin huma ‘serju’ u ‘ġenwin’.

Wara tliet snin u nofs ta’ make-up
Għax Simon Busuttil, hu u jneħħi mill-baġit kożmetiku l-make-up evidenti, spjega b’mod l-aktar onest u xieraq għal pajjiżna x’għandu bżonn wara l-propoganda massiċċa ta’ tliet snin u nofs: is-sustanza.

Għandna bżonn is-sustanza vera u ġenwina
Pajjiżna għandu bżonn is-sustanza vera u ġenwina li tindirizza l-problemi li qed jiffaċċjaw in-nies u li llum jirriżultaw b’mod indiskutibbli mill-fatti:
· l-għafsa ‘l isfel fil-pagi u fil-pensjonijiet li tirriżulta mill-istatistika tal-Gvern stess li ppreżentaha l-Gvern innifsu mal-baġit fl-Economic Survey u li tirriżulta wkoll miż-żieda fil-faqar,
· in-nuqqas ta’ investiment fl-infrastruttura bit-traffiku jsir ‘kriżi u pjaga nazzjonali’ waqt li l-Gvern joħroġ garanzija korrotta ta’ 360 miljun lil power station bla bżonn,
· it-tinwir ambjentali li qed jikkawża kwalità tal-ħajja agħar bi problemi bħall-ħxuna żejda li llum laħqet livell ta’ 70 fil-mija u n-nuqqas ta’ spazji miftuħa,
· u l-korruzzjoni qawwija f’Kastilja stess b’Joseph Muscat marbut b’katina ma’ Konrad Mizzi u ma’ Keith Schembri għax evidentement qed jaqsam magħhom – il-konklużjoni loġika mill-korruzzjoni tal-Panama.

Proposti ta’ Simon Busuttil li jindirizzaw il-bżonnijiet u x-xewqat tan-nies
Simon Busuttil għamel proposti fid-diskors tiegħu li jindirizzaw verament il-bżonnijiet u x-xewqat tan-nies:
· garanziji mill-Gvern għal kull min joħroġ bi proposti tajbin,
· inċentivi konkreti għas-settur tal-ħwienet,
· xiri tal-elettriku minn fejn jaqbel lill-pajjiż,
· linja minima ta’ dħul biex in-nies jintrefgħu mill-faqar,
· mediċini b’xejn għall-anzjani,
· il-ħarsien ta’ zoni miftuħin bħaż-Żonqor,
· sistema aqwa u moderna ta’ trasport pubbliku,
· it-tneħħija tar-riskji mit-tanker tal-gass f’Marsaxlokk,
· investigazzjoni dwar kull kuntratt li ffirma dal-Gvern.

Il-proposti ta’ Simon Busuttil element tal-karattru tiegħu: serju u ġenwin
Simon Busuttil għamel ħafna proposti prattiċi fid-diskors tiegħu, effettivament mhux dwar baġit li hu biss biċċa kożmetika, imma dwar kif ikun gvern alternattiv, serju u ġenwin – il-karatteristiċi li dejjem ġab miegħu fil-ħajja pubblika Simon Busuttil.

https://youtube.com/watch?v=HkK1wZGRSfo%3Frel%3D0