Lokali

David Casa jgiddeb lill-Prim Ministru

“Prim Ministru qed tigdeb” Dan qalu fi stqarrija l-Kap tad-delegazzjoni tal-PN fil-Parlament Ewropew David Casa bħala reazzjoni għal dak li tkellem dwaru l-Prim Ministru Joseph Muscat, waqt il-programm Dissett tal-bieraħ.

David Casa qal li l-Prim Ministru mhux qed jgħid il-verita’ meta qal li kellu rwol kruċjali biex kienet assigurata n-nomina ta’ Tonio Borg għal Kummissarju Ewropew. Casa qal li mhux veru li Joseph Muscat kien dak iż-żmien assigura s-sapport kollu tas-Soċjalisti fil-konfront ta’ Tonio Borg.

Fl-istqarrija David Casa qal li l-Partit Laburista kien ipprova jimmina n-nomina ta’ Tonio Borg fl-kull stadju. Qal li l-pożizzjoni tas-Soċjalisti fil-Parlament Ewropew kienet ta’ vot kontra Tonio Borg u nfatti hekk kien ġara- il-maġġoranza tas-soċjalisti ivvutaw kontra.

Qal wkoll li Tonio Borg kien ġie approvat għaliex kien kapaċi juri l-kompetenza u l-integrita tiegħu. Kien approvat minkejja l-ħsara li saret u l-imminar mill-Partit Laburista, kompla jispjega David Casa.

Fl-istqarrija ġie spjegat wkoll kif hi gidba wkoll li hu biss il-Partit Popolari Ewropew li qed jattakka lill-Gvern Malti fuq l-iskandlu Panama Papers. David Casa spjega kif il-vot mill-Parlament Ewropew kontra n-nomina ta’ Leo Brincat wasal mill-partiti kollha li jiffurmaw il-Parlament Ewropew, inkluż uħud mis-soċjalisti li l-Partit Laburista stess jifforma parti minnhom. Hawn David Casa temm jgħid kemm l-iskandlu tal-Panama Papers qed jagħmel ħsara lil pajjiżna anke fuq livell ewropew.