Stewart Said
Wara li tilfu lil Ian Bugeja u Sean Gravina li ngħaqdu ma’ Neptunes, Exiles saħħew l-iskwadra b’erba’ akkwisti li żgur se jgħinu t-tim biex ikun aktar kompetittiv fl-għan tagħhom li ma jispiċċawx fl-aħħar post fil-kampjonat.
L-aktar akkwist ta’ attenzjoni, żgur hu r-ritorn fl-ilma tax-xellugi ta’ 33 sena Michele Stellini li wara sena nieqes, se jkun qed jibda esperjenza ġdida ma’ Exiles.
Stellini li ffirma għal staġun, rebaħ diversi unuri fl-ogħla livell tal-waterpolo Malti fosthom seba’ kampjonati, ħames knock-outs, tmien kampjonati tax-Xitwa, seba’ darbiet it-Tazza tal-President u ħames darbiet it-Tazza Għaqda Ġurnalisti Sports, flimkien ma’ karriera ta’ 13-il sena mat-tim nazzjonali Malti bejn l-2003 u l-2015.
Ritorn ieħor se jkun taż-żagħżugħ ta’ 21 sena Sean Xerri de Caro li flimkien ma’ żagħżugħ ieħor Benji Lanzon, iffirmaw kuntratt ta’ erba’ snin. Xerri de Caro li hu prodott ta’ Neptunes, kellu staġun pożittiv fl-2014 ma’ Marsaxlokk fejn kien saħansitra rebaħ l-unur tal-aqwa Plejer tal-Ewwel Diviżjoni, b’Exiles jittamaw li jkompli fejn ħalla sentejn ilu.
Flimkien ma’ Benji Lanzon, ingħaqad ukoll minn ma’ Neptunes iżda b’self il-gowlkiper ta’ 20 sena Matthew Castillo. Iż-żewġ plejers iffurmaw parti mit-tim ta’ Neptunes li rebaħ il-kampjonat tas-Sajf din is-sena, iżda ftit kienu nklużi fit-tim. Castillo għamel parti mix-Xitwa li għaddiet jitħarreġ fi Sqallija ma’ Ortigia u se jkun qed jittama li jkollu aktar logħob biex itejjeb il-kwalitajiet tiegħu.
//= $special ?>


