Għexieren ta’ nies indarbu wara li żewġ terremoti laqtu ċ-ċentru tal-Italja fil-lejl tal-Erbgħa fost il-paniku tan-nies. Numru ta’ binjiet ġarrbu l-ħsarat fit-theżżiż tal-art fl-istess reġjun fejn f’Awwissu kienu mietu qrib it-300 persuna b’kaġun ta’ terremot kbir ieħor.
Filwaqt li, din id-darba, ma miet ħadd, l-Aġenzija tal-Protezzjoni Ċivili qalet li numru ġmielu ta’ nies ġarrbu feriti ħfief b’oħrajn spiċċaw serjament feruti.
L-ewwel terremot kien jimmarka 5.5 fuq l-Iskala Richter u laqat qrib Visso, fil-provinċja ta’ Macerata. Ftit wara, inħasset theżżiża aktar b’saħħitha (6.1) fl-istess zona.
Ħafna residenti fil-belt ta’ Campi (fejn jgħixu mal-200 biss), fil-komunità ta’ Norcia, fir-reġjun ta’ Umbria, spiċċaw jorqdu fil-karozzi tagħhom waqt li komplew it-theżżiżiet sekondarji tal-art (aftershocks), matul il-lejl f’Umbria u r-reġjuni ta’ Marche u Lazio. Theżżiżiet li komplew matul il-ġurnata tal-Ħamis u li issa qabżu l-200 waħda.
L-awtoritajiet f’Ussita, lejn il-Punent ta’ Visso, qalu li kkrollaw ħafna djar fl-inħawi u li ‘il-belt tagħhom spiċċat’. Il-belt ta’ Camerino ukoll ġarrbet il-ħsarat fit-theżżiż, bil-maltemp, ilbieraħ, ifixkel l-isforzi tal-emerġenza fir-reġjuni affettwati.
L-art tkompli titriegħed fiċ-ċentru tal-Italja
