Lokali

Wara l-mewt ta’ missierha: Shyli tfittex lil ħuha jew oħtha li tilfet

Ir-rapper żagħżugħa Shyli qed tfittex lil parti minn familtha li tilfet wara l-mewt ta’ missierha, meta kienet żgħira, ta’ sentejn biss.

Il-mewt ta’ missierha, Jason Azzopardi magħruf bħala s-Sufu, kienet wasslet biex Shyli nfirdet minn mal-familja tagħha.

Iżda għalkemm taf lil ħutha, riċentament hi saret taf li hemm mill-inqas persuna oħra li aktarx hu ħuha jew oħta iżda qatt ma kellha kuntatt. Xi nies li tkellmu magħha qalulha li aktarx dan (jew din, għaliex l-informazzjoni li rċeviet mhix ċara) joqgħod fl-inħawi taż-Żurrieq.

F’kuntatt ma’ dan is-sit, spjegat li l-informazzjoni li għandha hi bażika ħafna, u mhix ċerta lanqas jekk hemmx persuni oħra li jiġu minnha iżda ma tafx bihom.

Issa, wara li kisbet il-popolarità bil-kanzunetta mqanqla ddedikata lil missierha, Shyli qed tipprova ssib il-parti mill-familja li tilfet ta’ eta żgħira.

Min għandu xi informazzjoni li tista’ tgħin lil Shyli tingħaqad mill-ġdid ma’ ħuha, jew oħtha, jista’ jagħmel kuntatt ma’ dan is-sit.

Segwi l-istorja ta’ Shyli hawn.