Budget 2017 Lokali

Il-Gvern hu mifni bil-korruzzjoni – Simon Busuttil

Il-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil dalgħodu sostna li l-Gvern Laburista hu mifni bil-korruzzjoni. Din id-dikjarazzjoni għamilha meta kien qed jitkellem fil-Parlament dwar l-Uffiċċju tal-Prim Ministru. Innota kif il-Prim Ministru lanqas biss kien preżenti għad-dibattitu dwar l-Uffiċċju tiegħu stess.

Simon Busuttil qal li l-Budget ma ndirizzax il-pjaga ta’ madwar 70,000 ħaddiem li, skont statistika tal-Gvern stess, il-paga tagħhom marret lura fl-aħħar sena. Hu kompla li r-reazzjoni tal-Prim Ministru hi insult għall-intelliġenza tan-nies, fosthom lejn il-madwar 25,000 ħaddiem tal-ħwienet, li kellhom tnaqqis reali fil-pagi għax din ma tlaħħaqx mal-għoli tal-ħajja.

Simon Busuttil kompla li ħafna nies m’humiex ilaħħqu mal-ħajja u li familja ta’ ħames persuni b’paga ta’ €1,100 fix-xahar ma tlaħħaqx. Żied li din hi realtà li ma kinitx indirizzata mill-Budget, li fih ukoll żidiet b’taxxi ġodda li jieklu l-€1.75c li l-Gvern ta għall-għoli tal-ħajja. Dan hu Bugdet li daħħal is-sisa ta’ żmien Alfred Sant.

Dwar is-Saħħa u l-Mediċini, il-Kap tal-Oppożizzjoni qal li hawn nies li għaddejjin minn sitwazzjonijiet diffiċli minħabba diversi kundizzjonijiet u diffikultajiet. Sostna li hemm problemi dwar pazjenti bid-dijabete, filwaqt li staqsa jekk il-Gvern ikkomunikax ma’ persuni li kitbu lill-Kumitat Parlamentari biex jesprimu d-diffikultajiet li għaddejjin minnhom minħabba nuqqasijiet fl-Isptar.

Simon Busuttil tratta wkoll suġġetti oħrajn, bħall-anzjani, it-trasparenza fil-pubblikazzjoni tal-kuntratti u l-enerġija. Irrefera wkoll għall-iskandlu tal-Panama Papers u kif dan u skandli oħrajn f’din il-leġislatura saru mażżra ma għonq il-Prim Ministru.

Simon Busuttil qal li r-responsabbiltà politika hi l-aktar importanti. Il-Prim Ministru qed jagħżel li jibqa’ jinsulenta l-intelliġenza tal-poplu, iżda l-aħħar karta se tkun f’idejn il-poplu stess għax fl-elezzjoni ġenerali jrid jiddeċiedi x’tip ta’ Gvern irid għall-pajjiż.