Lokali

Melita ssib lil missierha wara l-appelli li saru: “Sibt familja kbira li tilqagħni”

Mara li madwar ħames snin ilu skopriet xi dettalji dwar missierha, irnexxielha ssibu mill-ġdid u miegħu sabet ukoll familja kbira li laqgħetha.

Dan is-sit tkellem ma’ Melita, li twieldet u tgħix l-Awstralja, wara li appell mill-paġna Maltese People In Malta all by Lillian Chetcuti Riolo u minn dan is-sit wasslu biex sar kuntatt mal-familja li tinsab f’Malta.

“Wara l-appell, ħuti għamlu kuntatt miegħi, u rrealizzajt li jien parti minn familja kbira li tilaqgħni, fosthom ħuti – ħames subien u tfajla, zijiet u kuġini,” spjegat Melita, li issa għandha x-xewqa li tiltaqa’ magħhom b’mod personali.

Fl-appell tagħha hi kienet spjegat li mill-informazzjoni li kellha missierha jismu Manuel Tabone, li ħalla Malta fl-1974 biex beda ħajja ġdida fl-Awstralja. Miegħu ħa lil ibnu, kif ukoll martu li kienet qed tistenna tarbija.

Fil-fatt it-tarbija, ukoll tifel, twieldet fil-King George V Hospital ta’ Camerdown, Sydney, fejn twieldet ukoll Melita.

Tgħid li l-unika informazzjoni li kellha kienet li Tabone, imlaqqam Fluffy minħabba l-istil ta’ xagħru, trabba f’Ħal Qormi, u ta’ kuljum kien jaqbad l-karozza tal-linja minn ħdejn ir-roundabout ta’ Ħal Qormi, qrib fejn illum hemm l-ispeed camera. Aktarx li dan għaliex kien jaħdem fil-Kottonera, bil-probabiltà kbira tkun li kien jaħdem fuq il-vapuri.

Fuq kollox tispikka tattoo tal-karattru Popeye fuq idu, xi ħaġa mhux daqstant komuni u li kienet importanti biex Leli jinstab. Din it-tattoo tidher sew fuq idejn ir-raġel li jinsab fuq wara tar-ritratt.

Fortunatament din l-istorja ntemmet b’wiċċ il-ġid grazzi għall-mijiet ta’ persuni li qasmu l-istorja ma’ sħabhom f’dawn l-aħħar jiem fuq is-siti soċjali.