Lokali

Mhux aċċettabbli li żgħażagħ jibdew il-ħajja tax-xogħol b’riskju li jibqgħu jaħdmu bil-paga minima

Il-Partit Nazzjonalista qed ikun il-vuċi taż-żgħażagħ li ta’ 16-il sena jibdew il-ħajja tax-xogħol mingħajr kwalifiċi, bir-riskju li jibqgħu jaħdmu bil-paga minima tul ħajjithom kollha. Din mhix sitwazzjoni aċċettabbli u għalhekk, il-Partit Nazzjonalista se jibqa’ jaħdem biex jassigura li aktar żgħażagħ itemmu l-edukazzjoni bil-kwalifiċi neċessarji biex isibu xogħol ta’ kwalità u b’paga tajba.

Dan qalu l-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil waqt laqgħa mal-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ. Waqt din il-laqgħa, l-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ ppreżentaw lill-Kap tal-Partit Nazzjonalista r-riżoluzzjonijiet li ġew approvati fil-Parlament Nazzjonali taż-Żgħażagħ. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Simon Busuttil kien ħa sehem f’dan il-Parlament f’Settembru li għadda.

It-temi tar-riżoluzzjonijiet huma l-edukazzjoni mhux formali, s-sigurta’ u d-divertiment u l-iżvilupp sostenibbli. Kien hemm imbgħad it-temi magħżula għaż-żgħażagħ li għandhom bejn id-19 u l-35 sena, li kienu r-riforma kostituzzjonali, l-aċċesibilita’ tal-ġżira Għawdxija u l-faqar u l-ġustizzja soċjali.

Minn naħa tiegħu l-Kap tal-Oppożizzjoni Simon Busuttil tkellem dwar l-importanza li ninvestu fiż-żgħażagħ u ntuhom leħen. Kien hawn fejn semma’ li jilqa’ l-proposta li għamel il-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ, dik tal-vot sittax. Simon Busuttil qal li jifhem li jista’ jkun hawn min hu xettiku fuq din il-proposta għalkemm hu jemmen li jekk din il-proposta tkun attwata pajjiżna jkun qed jassigura aktar involviment miż-żgħażagħ fejn jidħol tfassil ta’ politika.

“Il-Partit Nazzjonalista laqa’ bi pjaċir din il-proposta tant li f’temp ta’ ftit ġranet, ressaq mozzjoni fil-Parlament biex dan id-dritt ikun assigurat,” qal Simon Busuttil, filwaqt li sostna li la ż-żgħażagħ ta’ 16-il sena għandhom id-dritt li jaħdmu u l-obbligu li jħallsu t-taxxa, għandu jkollhom id-dritt ukoll li jgħażlu r-rappreżentanti tagħhom.

Għal din il-laqgħa kien hemm preżenti anke l-kelliem tal-Oppożizzjoni għaż-żgħażagħ David Agius, u l-kandidati għall-elezzjoni ġenerali Alessia Psaila Zammit, Liam Sciberras u Mark Anthony Sammut.

L-iskop tal-laqgħa kien anke sabiex il-Kunsill Nazzjonali taż-Żgħażagħ jiddiskuti flimkien mal-Oppożizzjoni l-pjanijiet tal-Kunsill għas-sena d-dieħla.