Il-Partit Nazzjonalista hu mużajk ta’ ideat, imma l-għan ewlieni hu li jiġġieled il-korruzzjoni.
Saħaq dan il-kap tal-Partit Nazzjonalista waqt li kien qed jindirizza attività politika fil-Każin tal-Partit Nazzjonalista tar-Rabat, Għawdex.
Simon Busuttil semma kif ix-xahar li għadda kien għamel referenza li qed jaħdem biex tkun iffurmata koalizzjoni kontra l-korruzzjoni. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista saqsa x’se jiġri meta waqt il-Presidenza tal-Unjoni Ewropea, se jkun hemm nies li kienu involuti fl-iskandlu tal-Panama. Semma kif dak li mhux aċċettabli fl-Ewropa mhux aċċettabli f’pajjiżna.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista sellem lill-kandidati ġodda. Semma kif Salvu Mallia jirrappreżenta lil dawk li pprovaw lil Joseph Muscat fl-elezzjoni ġenerali li għaddiet. Semma kif nies bħal Salvu li kienu vvotaw lill-Partit Laburista ma għamlux ħażin, imma kien Joseph Muscat li għamel ħażin għax inganna lil dawk in-nies, wegħdhom il-bidla, imma l-bidla kienet għall-agħar.
Semma kif il-Partit Nazzjonalista hu partit ambizzjuz l-istess bħall-gżira Għawdxija. U għalhekk se jkompli jaħdem biex kif kien minn dejjem ikompli jkun il-vuċi ta’ Għawdex.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista semma kif din il-ġimgħa kienet il-ġimgħa tad-diskorsi fil-Parlament. Simon Busuttil semma kif hu ppreżenta viżjoni biex kulħadd jirnexxi bl-għajnuna ta’ xulxin. Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista semma kif l-ekonomija għandha tkun hemm għan-nies u mhux bil-kontra. Saħaq li għandu jkun hemm ġustizzja soċjali, b’mod partikolari mal-pensjonanti u għalhekk l-istat għandu jkun hemm għal dawn in-nies. Saħaq dwar il-bżonn ta’ kwalità ta’ ħajja aħjar. Għalhekk semma l-problema tat-traffiku u li qed taffettwa l-ħajja ta’ kuljum. Semma wkoll li hu importanti li jkun hemm tmexxija tajba.
Il-baġit li għadda ħalla numru ta’ mistoqsijiet. Mistoqsija minnhom hi jekk dan il-baġit kienx wieħed soċjali. Semma kif hemm pagi li fuq medda ta’ sena marru lura. Simon Busuttil qal li wara li sar il-baġit, ġimgħa wara, l-Prim Ministru qalilna li kien wasal iż-żmien li nitkellmu dwar il-paga minima. Il-kap tal-Oppożizzjoni qal li jekk il-Prim Ministru ried li jitkellem dwar il-paga minima, ried jagħmel dan fid-diskors tal-baġit.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista semma kif is-sibt grupp ta’ NGOs saħqu li għandu jkun hemm żieda fil-paga minima. Semma kif din hi prpopsta raġjonevoli li għandha l-appoġġ tal-Partit Nazzjonalista. Hu semma kif il-politika b’viżjoni għandha tkun dik li taqla lin-nies minn dik il-faxxa billi ttihom it-taħriġ neċessarju. Dan għandu jsir b’investiment fiż-żgħazagħ.
Semma wkoll kif dan il-Gvern reġa introduċa it-taxxa tas-sisa, xi ħaġa li kienet tneħħiet minn meta dħalna fl-Unjoni Ewropea. Semma kif din it-taxxa hi ta’ ħsara kemm għan-negozju kif ukoll għall-konsumatur.
Dwar Għawdex il-Kap tal-Partit Nazzjonalista semma kif għal Għawdex mhu qed isir xejn u minn budget għall-ieħor insibu l-istess miżuri repetuti. Semma l-mod kif inħlew erba’ snin biex isir studju dwar mina bejn Malta u Għawdex. Simon Busuttil qal li l-ħin moħli hu ta’ detriment għall-Għawdxin b’mod partikolari. L-unika proġett f’Għawdex li sar hu t-twettiq tal-Masterplan taċ-Ċittadella xi ħaġa li kien beda l-Partit Nazzjonalista fil-Gvern.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista semma kif dan il-baġit hu baġit b’nuqqas ta’ viżjoni għal Għawdex. Baġit li ma jelenkax viżjoni għall-ħolqien tax-xogħol. Baġit li hu bla viżjoni fix-xogħol u fis-saħħa. Simon Busuttil saqsa jekk kienx hemm konsultazzjoni pubblika dwar il-privatizazzjoni tal-isptarijiet. Saħaq li l-Partit Nazzjonalista ma jaqbilx, għax ġabet ukoll inċertezza kbira għall-ħaddiema. Semma kif mhux aċċettabbli li jiġi ppublikat il-kuntratt u minflok mal-kuntratt jgħid kollox, dan iqajjem aktar mistoqsijiet.
Baġit bla viżjoni fit-tul fuq l-aċċessibiltà, se jkunu għaddew ħames snin u din il-kwistjoni mhux se tkun indirizzata. Simon Busuttil qal li l-Partit Nazzjonalista hu favur mina li tgħaqqad iż-żewġ gżejjer. Semma kif il-Partit Nazzjonalista għandu viżjoni fit-tul għall-aċċessibiltà. Proġett li jista’ jagħti direzzjoni l’fejn pajjiżna għandu jmur fis-snin li ġejjin.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista semma kif il-partit immexxi minnu minn dejjem kien il-Partit li ħaseb fil-gżira Għawdxija, dejjem tkellem f’isimha, dejjem ħares l-interessi tal-Għawdxin.
//= $special ?>